“Be the Change. Stand up to be Counted” huwa l-islogan tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) hekk kif il-Ħadd waranofsinhar nieda l-kampanja tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se ssir madwar Malta u Għawdex fil-11 t’April.
It-tnedija tal-kampanja, ‘Be the Change, Stand up to be Counted’, saret fil-Waterfront tal-Birgu, fejn il-President tal-MŻPN, Matthew Agius, introduċa l-kandidati żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista għal dawn l-elezzjonijiet li se jsiru f’34 lokalita` madwar Malta u Għawdex. Aktar minn 40% tal-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għal dawn l-elezzjonijiet huma żgħażagħ.
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li qal li ż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż.
Żied jgħid li n-numru sostanzjali ta’ żgħażagħ li qed jikkandidaw ruħhom mal-Partit Nazzjonalista juri l-proċess ta’ tiġdid li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista biex qed jilqa’ fih aktar żgħażagħ.
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fiż-żgħażagħ bil-fatti u dan ħareġ l-aktar biċ-ċar meta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista appoġjat fil-Parlament il-liġi li tagħti d-dritt lil żgħażagħ ta’ 16-il sena u 17-il sena sabiex ikunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Żied jgħid li l-istess ma jistax jingħad għall-Gvern Laburista li falla liż-żgħażagħ f’żewġ okkażjonijiet differenti.
L-ewwel darba fejn il-Gvern falla liż-żgħażagħ kien meta l-Gvern ried iħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali wara li hu stess ta il-vot liż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena. Kien biss grazzi għall-insistenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li l-Gvern reġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu biex iħalli l-elezzjonijiet isiru kif suppost.
It-tieni okkażjoni li fiha l-Gvern Laburista falla liż-żgħażagħ, żied jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, kienet meta l-Gvern għażel li jinjora l-appelli tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex iħalli liż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jivvutaw fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Waqt it-tnedija tkellem ukoll il-President tal-MŻPN Matthew Agius li qal li l-kandidati żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista verament jistgħu jagħmlu d-differenza fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Preżenti wkoll għat-tnedija kien hemm il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami li rringrazzja lill-MŻPN tal-kampanja li qed jorganizza. Irringrazzja wkoll lill-kandidati żgħażagħ kollha għas-sagrifiċċju li qed jagħmlu sabiex isibu l-ħin biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-politika.
Tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, ż-Żgħażagħ u l-Isports David Agius, li fil-messaġġ tiegħu sostna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista favur iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Qal li dan intwera biċ-ċar meta l-Partit Nazzjonalista appoġġja l-liġi dwar il-vot ta’ sittax. Hu awgura lill-kandidati żgħażagħ li jkomplu jaħdmu sabiex jagħmlu d-differenza f’pajjiżna.
//= $special ?>