Immaġina tlett jumbo-jets jaqgħu kuljum! Qed nitkellmu fuq aktar minn 1,500 ħajja mitlufa kuljum. Riċerka turi li dan hu l-istess numru ta’ persuni li kuljum fid-dinja jmutu minħabba problemi marbuta mal-qalb. Fl-2014, f’Malta, mietu 220 persuna minħabba problemi ta’ qalb.
Fl-2014 biss, kien hemm 3,000 sejħa għal ambulanza minħabba emerġenzi marbuta mal-qalb.
Il-Maratona bir-Roti organizzata mil-Liċeo tal-Ħamrun daħlet fis-sittax-il edizzjoni tagħha, u din is-sena, għat-tieni sena konsekuttiva, qed tiġbor flus sabiex ikunu jistgħu jinxtraw aktar ‘AEDs’.
AEDs, ‘Automated External Defibrillator’, huma apparat li jintużaw sabiex isalvaw il-ħajjiet f’każ li persuna jkollha xi attakk tal-qalb. Jekk persuna li jkollha attakk tal-qalb ma tingħatax l-għajnuna fi żmien ħames minuti, allura jkun hemm riskju kbir li dik il-persuna tmut.
Fl-2014, inġabru aktar minn €139,000 fil-Maratona bir-Roti u b’kollox kienu nxtraw 75 AED li tqassmu f’75 skola madwar Malta u Għawdex. Ingħata wkoll taħriġ lil eluf ta’ studenti u għalliema f’dawn l-iskejjel biex ikunu mħarrġa fl-użu ta’ dan l-apparat.
Apparti dawn il-75 skola, il-Maratona bir-Roti irċeviet 86 applikazzjoni oħra sabiex tissuplixxi aktar AEDs – f’86 skola u ċentru oħrajn madwar Malta u Għawdex, u fl-edizzjoni ta’ din is-sena inġabru flus biex jinxtraw kemm jista’ jkun AEDs.
Uffiċjal għall-Maratona bir-Roti qalet li s-sena li għaddiet, grazzi għat-taħriġ li ngħata lill-istudenti fl-iskejjel Maltin bil-flus miġbura mill-Maratona bir-Roti, kien hemm tifla minn skola sekondarja li salvat lin-nanna tagħha li kienet qed issofri minn attakk tal-qalb.
Il-Maratona bir-Roti bdiet il-Ġimgħa u ntemmet il-Ħadd. Matul il-ġurnata tal-Ħadd żar il-Maratona bir-Roti l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li ltaqa’ ma’ numru kbir ta’ studenti u għalliema.
Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kif ukoll mid-Deputat Nazzjonalista David Agius.
Anke’ l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u numru ta’ Deputati oħra żaru l-Maratona bir-Roti.