Minkejja li ilu fit-tmexxija tal-pajjiż għal sentejn biss, il-Gvern Laburista diġà huwa kkaratterizzat minn arroganza u ingann.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan meta kien qed jindirizza djalogu f’San Pawl il-Baħar nhar il-Ħadd filgħodu.
Busuttil qal li, fi sforz biex jinganna lin-nies, Muscat mar jitfi l-Powerstation l-antika fil-jum meta suppost mar jinawgura l-Powerstation il-ġdida kif wiegħed qabel l-elezzjoni. Muscat inganna wkoll lill-ħaddiema tal-Enemalta meta, wara li wegħedhom li l-paga tagħhom mhux se tintmess, illum qed jesperjenzaw trasferimenti bl-addoċċ u l-futur tagħhom jiddependi mill-kulur politiku tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ż-żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali huma kundanna oħra għall-gvern. Wara r-rapport dwar ix-xiri ta’ Cafe Premier, ir-rapport dwar ix-xiri taż-żejt taħt dan il-Gvern juri li l-Ministru Konrad Mizzi indaħal dwar ma’ liema kumpanija għandu jsir il-ftehim – indħil li ssarraf f’telf ta’ 14-il miljun ewro. “Issa nafu għalfejn konna qed inħallsu prezz esaġerat għall-petrol u d-diesel”, saħaq Simon Busuttil. L-arroganza tal-Gvern toħroġ ċar meta, minflok ma jammetti li żbalja, Konrad Mizzi ddikkjara li hu jerġa’ jirrepeti l-istess żball.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni akkuża wkoll lill-Gvern Laburista b’nuqqas ta’ trasparenza li tkompli toħloq iktar suspetti. Huwa staqsa x’qed jagħmel Muscat fil-laqgħat tiegħu fl-Azerbaijan u staqsa għalfejn fż-żjara li Muscat u l-Ministru Mizzi għamlu fl-Azerbaijan ma tteħditx media.
B’rabta mal-allegazzjonijiet fil-media dwar ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono, Simon Busuttil qal li dawn l-allegazzjonijiet għandhom ikunu investigati iżda sahaq li, bl-istess mod, iridu ikunu investigati wkoll episodji li ġraw wara l-elezzjoni. Simon Busuttil saħaq li l-pulizija ma għandhiex tkun politiċizzata u strumentalizzata.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ għaqal fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – il-lokalità fejn sar id-djalogu – u qal li dan il-kunsill lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista huwa eżempju ċar ta’ kif maġġoranza Nazzjonalista tista’ tagħmel id-differenza.
//= $special ?>