Internazzjonali

Ġurnalista arrestata titlob lill-Punent jaġixxi dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan

Il-Gvern tal-Ażerbajġan qed jiġi kkritikat b’mod qawwi f’dawk li huma abbużi fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem.
Khadija Ismayilova, ġurnalista investigattiva arrestata fil-pajjiż, kitbet ittra li fiha kkritikat b’mod qawwi lill-Gvern tal-Ażerbajġan u lill-pajjiżi tal-Punent li mhuma jagħmlu xejn quddiem abbużi ta’ drittijiet tal-bniedem.

L-ittra, li ġiet ippubblikata l-ewwel fuq il-paġna Facebook “Free Khadija”, tallega li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qed jagħlqu għajnejhom għal abbużi fl-Ażerbajġan għal diversi raġunijiet, inkluż biex jingħoġbu mar-Russja minħabba raġunijiet ġeo-politiċi.

Issejjaħ lir-Russja bħala dittatorjat waqt li tikkritika lill-Punent li qed idur għar-“reġim oħt” tar-Russja għal alternattiv għaż-żejt u l-gass. Allegat li l-Ażerbajġan qed jikkopja ħafna mir-regoli tar-Russja biex jagħlaq ħalq għaqdiet mhux governattivi, l-istampa indipendenti u lil dawk li jikkritikaw lill-Gvern.

Il-ġurnalista tgħid li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea huma iktar interessati li jagħmlu kummerċ mal-Ażerbajġan milli jisfidaw lill-President Aliyev fir-rekords negattivi tiegħu kontra d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri politiċi.

Ismayilova ilha arrestata mill-5 ta’ Diċembru b’akkużi li jvarjaw minn xogħlha mal-istazzjon RFE/FL, li qed tmexxi negozju illegali, abbuż ta’ poter u evażjoni ta’ taxxa. Hi qed tiddikjara ruħha mhux ħatja tal-akkużi kollha u diversi osservaturi internazzjonali ddeskrivew l-arrest tagħha bħala wieħed b’motivazzjoni politika.