Ħaddiem ta’ 26 sena fiċ-Ċina miet wara li kien qed jaħdem xiftijiet ta’ 12-il siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Iż-żagħżugħ kien ħaddiem f’fabbrika fejn isiru t-telefons ċellulari tal-Apple. Oħtu, imbikkma, sostniet li l-kumpanija taħti li ħuha miet u li ż-żagħżugħ kien b’saħħtu sakemm beda jaħdem iżżejjed. Tian Fulei nstab mejjet fid-dormitorju fejn kien jorqod flimkien ma’ ħaddiema oħra u l-awtoritajiet għalqu l-każ mingħajr awtopsja imma ddikkjraw “mewta għall-għarrieda” bħala l-kaġun tal-mewt.
Fulei kien jaħdem f’Shangai mal-fabbrika Pegatron li hi waħda mill-manifatturi prinċipali tal-prodotti tal-Apple nkluż l-Iphone 6. Il-mewt tiegħu waslet inqas minn xahrejn minn investigazzjoni moħbija mill-BBC li kixfet kif il-ħaddiema kienu qed ikunu mġegħla jaħdmu sal-punt li jikkrollaw.
Pegatron ċaħdet responsabiltà għall-mewt ta’ Fulei u tat qrib €10,000 lill-familja tiegħu bħala ġest min-naħa tagħha, ferm iktar mill-madwar €2,000 li soltu tagħti f’każijiet bħal dawn. F’Jannar li għadda, il-kumpanija rrappurtat l-ikbar profitt fuq bażi ta’ tliet xhur, ta’ €16.5 biljun.
//= $special ?>