Lokali

Ħarsa mill-Ġurnali tal-Ħadd

Il-Mument fil-faċċata tiegħu b’aħbar esklussiva dwar Malti li nħataf fil-Libja u nħeles wara li tħallas rahan lil milizja fi Tripli. Aħbarijiet oħra huma li qed ikunu investigati ftehim bħal dak negozjat bejn il-gvern mal-kumpanija SOCAR. Il-Mument jgħid ukoll li qed issir pressjoni fuq is-Segretarju Parlamentari Ian Borg biex jgħid b’liema mezzi u prezz xtara razzett antik li twaqqa’ kontra policy tal-MEPA. Il-Mument jgħid ukoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma ħax passi kontra d-Deputat Prim Ministru Louis Grech li ħeba €120,000 f’kont bankarju.

Il-ġurnal Illum b’intervista mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Marc Sant li fiha jgħid li l-proċess tal-għoti ta’ miljun ewro f’fondi addizzjonali lill-Kunsill Lokali kien wieħed imtappan u mċajpar. B’rabta mal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Illum jgħid li l-PN irid lura b’saħħa erba’ kunsilli lokali. Fil-faċċata ta’ Illum ukoll l-aħbar dwar il-programm tal-Ingress Solenni tal-Arċisqof Scicluna.

Il-ġurnal It-Torċa jirrapporta li uffiċjal tal-eks Ministru Dolores Cristina kien qed jitħallas għal laqgħat finta. Fil-faċċata It-Torċa tgħid ukoll li hemm mewġa kbira ta’ membri ġodda fil-GWU.

Il-ġurnal Kulħadd b’intervista mal-Arċisqof elett Charles J Scicluna hekk kif nhar is-Sibt il-Knisja f’Malta se tiċċelebra l-Ingress Solenni tal-Arċisqof il-ġdid.

The Times of Malta tiżvela l-konklużjonijiet ta’rapport ta’ inkjesta dwar l-arrest ta’ Daryl Luke Borg u tgħid li l-arrest ta’ Borg, li kien innoċenti, sar wara żball ta’ żewġ spetturi tas-CID. Dan il-ġurnal jirrapporta wkoll li s-sikkina li ntużat fid-delitt ta’ Silvana Muscat kieent inxtrat dakinhar stess tad-delitt.

Il-gazzetta MaltaToday tgħid li ħaddiem taċ-ċivil kien mitlub li jirtira wara li wissa lil eks Prim Ministru Lawrence Gonzi dwar l-indħil tal-eks Ministru Giovanna Debono fil-ħidma taċ-ċivil.

Il-gazzetta The Malta Independent tkompli tirrapporta li l-eks Chairman tal-Enemalta kien qed jippjana ftehim ta’ 300 miljun dollaru għall-forniment ta’ ilma u petrol. Tancred Tabone issuġġerixxa dan il-ftehim mal-bankier Żvizzeru tiegħu.