Hekk kif il-persekuzzjoni tal-Insara u minoranzi oħra fil-Lvant Nofsani mill-ISIS qed tkompli, il-Vatikan qal li l-użu tal-forza kontra l-ISIS tista’ tkun ġustifikata. Dan jekk ma jkunx hemm ċans ta’ soluzzjoni politika.
Dan qalu Silvano Tomasi, l-ogħla uffiċjal tal-Vatikan fil-kwartieri ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra fl-Iżvizzera, li żied li dak li kienu qed iwettqu dawn in-nies fil-Lvant Nofsani kien ġenoċidju.
Il-Papa Franġisku f’dawn l-aħħar xhur spiss kellu kliem ta’ kundanna għall-qtil li qed jitwettaq fil-Lvant Nofsani fosthom tal-21 Nisrani Eġizzjan fil-Libja mill-ISIS.
F’dawk il-partijiet tas-Sirja u l-Iraq taħt il-kontroll tal-ISIS, Insara u minoranzi reliġjużi oħra spiċċaw fil-mira ta’ atti ta’ ħruxija u eluf minnhom kellhom jaħarbu.
F’intervista mas-sit Kattoliku ‘Crux’, l-Arċisqof Tomasi qal li dak li hemm bżonn hi għaqda maħsuba u koordinata sew biex tinstab soluzzjoni politika mingħajr il-bżonn ta’ vjolenza. Hu qal li f’din il-koalizzjoni jrid ikun hemm pajjiżi Musulmani mil-Lvant Nofsani u titmexxa min-Nazzjonijiet Uniti.
Imma żied li jekk dan ma jkunx possibbli, allura jkun hemm bżonn l-użu tal-forza.
Hu żied li jekk ma jsirx xi ħaġa issa, se jiġi żmien fejn ħafna se jistaqsu għaliex ma kien sar xejn biex jitwaqqaf dan il-ġenoċidju.
Hu qal li filwaqt li l-Insara kienu fil-mira ewlenija tal-ISIS, il-minoranzi kollha kellhom ikunu protetti.