Ambjent Ewropa Kurżitajiet

Invażjoni tal-ispeċi marittimi ‘aljeni’ fil-Mediterran

‘Il fuq minn 900 speċi marittimi ‘aljeni’ — fosthom il-‘puffer fish’ velenuż – infiltraw l-ibħra tal-Mediterran, f’dawn l-għexieren tas-snin. Fil-fatt, studju ġdid jiżvela li numru minn dawn l-ispeċi jinsabu qrib il-kosta ta’ pajjiżi fil-Lvant tal-Mediterran.

L-hekk-imsejħa invażjoni wettqet il-bidliet fil-‘food web’ tal-baħar u dan isostnih studju ta’ erba’ snin imħejji mill-Universita ta’ Gothenburg, fl-Iżvezja. Toħroġ anki t-twissija li ‘n-nuqqas ta’ ftehim tal-ekosistemi’ jikkumplika l-impenji fir-rigward ta’ dawn l-ispeċi ‘l-ġodda’ fil-Mediterran.

Wieħed mill-analisti, Stefan Kalogirou, jgħid li l-Baħar Mediterran hu l-aktar baħar tad-dinja dispost għall-invażjoni tal-ispeċi barranin. Fl-istess ħin, hu jemmen li n-nuqqas ta’ għarfien bażiku ‘tal-kommunitajiet tal-annimali u l-pjanti’ tal-kosta qed itellef l-għarfien dwar kif dawn l-ispeċi jaffettwaw l-ekosistemi.

Meta kien tlesta l-Kanal ta’ Suez, fl-1869, infetħet ‘rotta’ biex l-ispeċi aljeni jinvadu l-ibħra Mediterran tal-Lvant. Fl-aħħar snin, rapporti regolari dwar l-ispeċi inkwistjoni mid-diversi zoni tal-kosta f’dan ir-reġjun qanqlu t-tħassib dwar x’għandu jseħħ mill-ispeċi indiġeni minbarra l-ekosistemi.