Lokali

It-Twaqqigħ ta’ razzett antik tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg

Minn meta din is-sit żvela l-istorja dwar it-twaqqigħ ta’ razzett antik tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg iddomina skiet li jqanqal mistoqsijiet dwar allegat abbuż li ma jistax jibqa’ għaddej.

Għaddew ħames ġimgħat minn meta dan is-sit żvela l-iskandlu ta’ ħabi, għaġġla u permess abbużiv dwar razzett antik fuq fond agrikolu f’Wied Liemu fir-Rabat mixtri minn Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari tal-Fondi Ewropej u tal-Presidenza Ewropea tal-2017, u sa llum għadha ma ħarġet l-ebda stqarrija minn dawk responsabbli.

Dan il-permess, bin-numru PA/02708/14, jirdoppja il-valur stmat b’mod konservattiv tal-proprjetà minn €500,000 għal €1 miljun. Il-permess jikser il-policies tal-MEPA b’mod li ngħata permess għal żvilupp li hu d-doppju għal dak li jippermettu l-policies tal-MEPA.

Lanqas ma kien hemm reazzjoni pubblika mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg.

Ian Borg għandu jispjega wkoll minn fejn ġew il-flus biex akkwista din il-proprjetà li llum tiswa €1 miljun, meta wieħed iqis li mid-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu li għamel lill-Parlament, ma jidhirx li kellu ħafna fondi biex jagħmel akkwist bhal dan.

Ma kien hemm l-ebda reazzjoni lanqas mill-MEPA, l-awtorità pubblika u indipendenti li suppost qegħda hemm biex tiddefendi postijiet ambjentalment u kulturalment sensittivi bħal Santa Katerina u Wied Liemu minn żviluppi invażivi ta’ densità u massa.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni, li fl-aħħar sentejn ħareġ ħafna stqarrijiet biex jiddefendi numru ta’ Ministri – saħansitra, f’każ minnhom, stqarrija biex iserraħ ras il-pubbliku dwar is-sitwazzjoni taż-żwieġ ta’ Ministru, u f’każ ieħor, stqarrija ta’ cover-up ta’ sparatura minn xufier ta’ eks-Ministru – s’issa ma ħareġ xejn dwar dan il-każ.

Ma nstema’ xejn lanqas minn Leo Brincat, il-Ministru tal-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima.

Mhux magħruf x’pożizzjoni għandu Leo Brincat – li hu wkoll responsabbli għall-qasam tal-agrikoltura – dwar razzett antik neċesarju għall-agrikoltura fuq fond tar-raba’ f’settlement rurali li hu ġojjell rurali agrikolu protett bil-policies tal-MEPA, fejn issa dan twaqqa’ bl-għaġġla biex floku se jiġu spekulati żewġ appartamenti lussużi. Ikun tajjeb jekk il-pubbliku jsir jaf x’jaħseb Leo Brincat dwar is-sostenibbiltà ta’ dan l-iżvilupp u l-impatt fuq l-ambjent u l-agrikoltura.