Kuntrasti bejn l-aġir tal-Prim Ministru u dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni
Fid-29 ta’ Settembru 2013, il-mument żvela fl-ewwel paġna l-iskandlu tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech li approva trasferiment ta’ aktar minn €120,000 minn bank Belġjan għall-HSBC bla ma kienu dikjarati fid-dikjarazzjonijiet tal-assi Ministerjali
Il-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli jissospendi jew jieħu l-passi kontra d-Deputat Prim Ministru Louis Grech meta f’Settembru li għadda kien żvelat minn il-mument li hu ma ddikjarax kont bankarju b’madwar €120,000.
Dan jikkontrasta ħafna ma’ dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-jiem li għaddew meta minnufih issospenda lill-eks Ministri Michael Falzon u Ninu Zammit dawk li ma ddikjarawx flus f’banek barranin u b’isimhom spiċċa fil-lista Swissleaks.
Dawn iż-żewġ xenarji simili joħorġu fil-beraħ id-differenza bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat li jippreferi ma jieħux il-passi mistennija fir-rigward ta’ min jabbuża u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li quddiem sitwazzjoznijiet bħal dawn jieħu l-passi li wieħed jistenna f’ġieħ il-kontabbiltà u s-serjetà.
Meta kien għamel id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, Louis Grech ma kien semma xejn li kellu dawn l-eluf kbar ta’ ewro depożitati fil-bank Belġjan KBC u lanqas li dawn kienu trasferiti f’bank lokali.
Jirriżulta li Louis Grech għamel it-trasferiment lejn Malta ta’ dawn il-flus kollha wara r-rebħa Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013. Sa qabel dawn l-għexieren ta’ eluf ta’ ewro kienu fil-KBC Bank fi Brussell. Fil-fatt it-trasferiment tal-flus saru f’April tal-2013 – ftit ġimgħat biss wara r-rebħa Laburista.
Dak li għamel id-Deputat Prim Ministru Louis Grech mhux biss jammonta għal nuqqas serju ħafna, imma jikser il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li hu mistenni minnhom li jiddikjaraw id-dħul u l-assi tagħhom sal-aħħar ta’ Marzu ta’ lkull sena.
Fl-isfond ta’ dan l-abbuż, riċentement faqqa’ l-iskandlu ta’ Swissleaks li fih jissemmew l-ismijiet ta’ numru ta’ persuni. Dwar dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mill-ewwel iddikjara li l-Gvern għandu jara min huma l-Maltin imsemmija fi Swissleaks u jinvestiga jekk il-pożizzjoni tagħhom hix regolari.
//= $special ?>