Lewis Hamilton iddomina l-Grand Prix tal-Awstralja biex beda jiddefendi b’mod perfett it-tilu mondjali tal-Formula 1.
Huwa saq tiġrija bil-galbu fejn ikkontrolla l-vantaġġ li kellu fuq sieħbu tal-Mercedes l-oħra Nico Rosberg, tul it-tiġrija kollha hekk kif il-Mercedes ħallew lill-kumplament tat-timijiet l-oħra warajhom.
It-titjib li kienu qed juru l-Ferrari qabel l-istaġun kien konfermat meta l-akkwist il-ġdid Sebastien Vettel, temm it-tielet wara li għeleb l-isfida ta’ Felipe Massa tal-Williams.
Jenson Button laħaq il-mira li jispiċċa t-tiġrija b’McLaren Honda xejn veloċi u xejn affidabbli imma daħal l-aħħar.
L-istaġun beda b’mod drammatiku meta t-tiġrija tilfet tliet karozzi saħansitra qabel bdiet quddiem pubbliku numeruż f’Albert Park u f’temp mill-isbaħ f’Melbourne imma b’riħ qawwi.
Valtteri Bottas tal-Williams kien ordnat ma jieħux sehem mit-tabib uffiċjali wara li weġġa’ dahru waqt il-kwalifiki u għamel il-lejl l-isptar.
Il-forma fqira tal-McLaren Honda laqtet lil Kevin Magnussen meta kien qed jagħmel id-dawra biex jieħu postu fuq il-grid bid-Daniż jieqaf f’daħna ġriża bejn il-ħames u s-sitt kantuniera.
Ir-Red Bull ukoll tilfu karozza qabel it-tluq b’Daniil Kvyat jonqos milli jdur mal-pits bi problemi fil-gearbox.
Bin-nuqqas tat-tim ta’ Manor Marussia, li ma deher qatt matul tmiem il-ġimgħa, kienu biss 15-il karozza fuq il-linja tat-tluq.
U karozza oħra naqset wara biss ftit metri mit-tluq meta l-Lotus ta’ Pastor Maldonado, nltaqtet mis-Sauber ta’ Felipe Nasr fl-ewwel kantuniera u waqt li tilef il-kontroll ħabat mal-ħajt ta’ protezzjoni u kellha toħroġ is-safety car.
Meta mbagħad it-tiġrija kompliet, l-eċċitament intilef malajr b’Hamilton jibni vantaġġ komdu u mbagħad jikkontrolla sal-ewwel pit stops fejn żamm kważi żewġ sekondi quddiem.
Wara l-pit stop baqgħet l-istess storja, fejn Hamilton ippermetta l-vantaġġ ta’ 4.6 sekondi li kellu għall-ewwel, jonqos għal żewġ sekondi u baqa’ jżomm dan id-distakk.
L-attur ta’ Holywood Arnold Schwarzenegger ippreżenta t-trofej u għamel l-intervisti fuq il-podju b’Hamilton jiddikjara. “It-tim għamel xogħol inkredibbli llum u nħossni verament ferħan li rbaħt u li ninsab miegħek hawn. Fil-verità ħsibtek itwal!” qal is-sewwieq Britanniku.
Min-naħa tiegħu Rosberg li temm it-tieni qal, “Kont qed nagħti l-massimu f’kull dawra u kif se nkompli nagħmel tul is-sena kollha. Nispera li ntih sfida kbira u nittama li nkun anke kapaċi nissuperah.”
Sieħeb Vettel, Kimi Raikkonnen tal-Ferrari kellu problemi biż-żewġ pit stops u t-tim anke qed jiffaċċja passi dixxiplinari mill-FIA talli ma ħariġx il-karozza mill-pit b’mod sikur meta rota minnhom ma twaħħlitx tajjeb u kellu jirtira.
Dan wassal biex is-Sauber ta’ Felipe Nasr ittemm fil-ħames post u ta l-ewwel punti lit-tim Żvizzeru.
Ir-Red Bull kellhom tiġrija fqira u kienu biss ftit aktar veloċi mit-tieni tim tagħhom Toro Rosso.
Id-debuttant Carlos Sainz kien fis-seba’ post fit-tiġrija, wara Ricciardo tar-Red Bull imma waqa’ lura wara pit stop twila.
Madankollu Sainz irkupra fit-tmien post wara Nico Hulkenberg ta’ Force India imma nqabeż fl-aħħar żewġ dawriet minn Marcus Ericsson tas-Sauber.
Sergio Perez ta’ Force India ħa l-aħħar punt minkejja li tilef il-kontroll aktar kmieni meta kien qed jisfida ma’ Button li daħal aktar minn 20 sekonda wara l-Messikan.
It-tieni karozza ta’ Toro Rosso, misjuqa minn Max Verstappen, l-iżgħar sewwieq fil-Formula 1, kienet fis-sitt post meta rtira ftit wara nofs it-tiġrija.
Kif Spiċċaw
1 L. Hamilton Mercedes
2 N. Rosberg Mercedes
3 S. Vettel Ferrari
4 F. Massa Williams
5 F. Nasr Sauber
6 D. Ricciardo Red Bull
7 N. Hulkenberg Force India
8 M. Ericsson Sauber
9 C. Sainz Jr. Toro Rosso
10 S. Perez Force India