Il-kampanja ‘Spring Hunting Out’ (SHOut) b’attivita’ fil-Buskett, l-ewwel riserva naturali f’Malta
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Buskett, l-ewwel riserva naturali ta’ Malta, il-kelliem għall-kampanja ‘Spring Hunting Out’, SHOut, Mark Sultana elenka numru ta’ reati li seħħew fis-snin li għaddew minn kaċċaturi fuq għasafar u fuq persuni innoċenti li jkunu qegħdin fil-madwar.
Mark Sultana qal li l-Buskett, sfortunatament, għandu storja twila ta’ kriminalita’. Semma kif l-inċident tal-21 ta’ Settembru 2014 huwa l-iktar inċident riċenti, fejn tlettax-il persuna u tifel ta’ seba’ snin spiċċaw fil-mira ta’ grupp ta’ madwar tletin kaċċatur li attakkaw lil persuni li kienu qed jaraw l-għasafar deħlin għall-mistrieħ. Dakinhar intefgħu ġebel, tkissret kamera filwaqt li raġel anzjan spiċċa bix-xedaq miksur, fakkar Mark Sultana.
Qal li l-inċident seġġ wara protesta vjolenti fil-Belt wara l-għeluq tal-istaġun tal-kaċċa mill-Prim Ministru.
Mark Sultana qal li dakinhar, ir-risposta tal-FKNK (Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti) kienet irrispondiet għall-attakk billi qalet li l-FKNK tifhem il-frustrazzjoni tal-kaċċaturi li ma jitħallewx jipprattikaw il-passjoni tagħhom.
Apparti l-inċident tal-21 ta’ Settembru 2014, kien hemm numru ta’ reati oħra li wkoll ġew elenkati mill-kelliem tax-SHOut Mark Sultana.
Fost dawn hu semma ir-reat li kien seħħ fl-2013, fejn kien sar massakru fuq ajkli rari. Dan minkejja li l-Buskett hu santwarju għall-għasafar fejn il-kaċċa hija projbita. Madanakollu dan ma waqqafx lill-kaċċaturi milli jisparaw fuq l-għasafar, tenna Mark Sultana.
Semma wkoll dak li kien seħħ fis-17 ta’ Frar 2008, meta fil-Buskett inħarqu tliet karozzi ta’ birdwatchers, inċident kbir ieħor f’serje ta’ attakki fuq persuni innoċenti u l-propjeta’ tagħhom, żied jgħid il-kelliem tal-kampanja favur il-‘le’.
Mark Sultana temm jgħid li dawn ir-reati jistgħu ma jibqgħux isiru jekk il-pubbliku jivvota ‘le’ fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa fil-11 t’April.
//= $special ?>