“Tant kienet b’saħħitha d-daqqa ta’ ponn mogħtija lill-immigrant Sudaniż, li spiċċa biex waqa’ mal-art qisu xkora patata”. Dan ħareġ fil-Qorti, hekk kif beda jinstema’ l-ġuri ta’ Antonel Dobre, Rumen ta’ 29 sena mixli li kkaġuna ferita gravi fuq immigrant Sudaniż u li din kienet segwita bil-mewt.
Meta bdiet tispjega l-każ tagħha lill-ġurati, il-Prosekuzzjoni qalet li din ix-xena se tintwera lill-ġurati għax inqabdet ukoll mill-filmati tas-CCTV Cameras.
L-Avukat Nadia Attard, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalet li Dobre ta d-daqqa ta’ ponn li wasslet biex il-vittma Osama Al Shazliay Saleh ġarrab feriti gravi, fosthom ksur fl-iskutella tar-ras li ġabet emoraġija qawwija kaġun tad-daqqa qawwija.
Fil-ġuri, Dobre qed jiġi mixli b’żewġ kapi ta’ akkuża: li kkaġuna ferita gravi lil Saleh, ta’ 24 sena, li biha kkaġunalu l-mewt; u li minħabba l-atteġjament tiegħu, iddisturba l-kwiet pubbliku u għalhekk kiser il-buon ordni. Il-każ seħħ fis-17 ta’ Marzu 2012 għall-ħabta tas-6.30am quddiem stabbiliment f’Paceville.
Attard qalet li mill-investigazzjonijet li saru, l-akkużat kien Paceville mal-ħabib tiegħu Radu Rica u daħlu f’bar ieħor. Kien hemm fejn Rica kellu inċident żgħir ma’ Saleh għax meta kien sejjer fil-kamra tal-banju, Saleh ħabat miegħu. B’konsegwenza ta’ hekk, Rica nfaraġ. L-Avukat Attard qalet li wara li seħħ dan l-inċident minuri, Rica u Saleh marru lejn triqthom.
Madankollu, meta Rica mar lura fejn Dobre u qallu b’dak li kien ġara, huma telqu mill-bar u meta ħarġu barra, il-vittma lemaħ lil Dobre u lil Rica u avviċinahom. Skont il-filmati tas-CCTV, Dobre deher jersaq lejn il-vittma u tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu. Attard spjegat li l-bouncers intervjenew u ppruvaw jaqbdu lill-akkużat. Madankollu, Dobre u Rica ħarbu mill-post.
L-Avukat Attard qalet li wara li seħħ l-inċdent, saħħet il-vittma baqgħet sejra lura u ftit tal-jiem wara ġie iddikjarat brain dead. Kompliet li dakinhar stess li seħħ il-każ, l-akkużat mar l-Ajruport u telaq minn Malta. Dan il-fatt hu kkonfermat ukoll mill-filmati tas-CCTV li hemm fl-Ajruport Internazzjonali.
Għaldaqstant, kien inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew u meta ġie intraċċat, Dobre ġie lura Malta, fejn ġie mitkellem mill-Pulizija u ta stqarrija. Wara dan kollu, Dobre tressaq il-Qorti u bdiet il-kumpilazzjoni. L-Avukat qalet li l-Prosekuzzzjoni hi ċerta li Dobre ma riedx joqtol lill-vittma. Madankollu, kellu l-intenzjoni li jweġġgħu.
Aġġornament: Is-seduta ta’ filgħaxija
Fis-seduta ta’ filgħaxija, xehed l-Ispettur Carlos Cordina, li qal li dakinhar tal-każ ġie assenjat biex jinvestiga dak li seħħ f’Paceville. Hu qal li flimkien ma’ kollega mill-Għassa ta’ San Ġiljan raw il-filmati minn CCTV Cameras ta’ stabbiliment fil-viċin, fejn f’ħin minnhom deher il-vittma jaqla’ daqqa ta’ ponn.
Ix-xhud qal li deher li qamet kommossjoni, b’wieħed miż-żewġ persuni involuti u tliet bouncers marru ħdejn il-vittma. Hekk kif bouncer ieħor mar fuq l-akkużat, dan ħarab mill-post. Qal li ż-żewġ persuni dehru neżlin it-taraġ ta’ Paceville u jaqbdu toroq differenti.
L-Ispettur Cordina kompla li għall-ewwel il-Pulizija ma kellhiex ħjiel min huma l-persuni involuti, iżda fis-sigħat ta’ wara qarib taż-żewġ persuni għamel kuntatt mal-Pulizija. Meta l-Pulizija marret tfittex lil Dobre, dan ma nstabx u aktar tard, martu qalet li kienet ilha ma tarah għax kienu sseparaw. Madankollu, skont l-Ispettur Cordina, din kienet qed tigdeb biex tgħatti lil żewġha. Elena Dobre qalet li kienet semgħet li żewġha kien involut fi ġlieda f’Paceville.
Ix-xhud kompla jgħid li ġie infurmat li l-akkużat telaq minn Malta u minn filmati tal-Ajruport Internazzjonali sar magħruf li dan siefer ma’ persuna femmili. Għaldaqstant, il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ħarġu Mandat Ewropew ta’ Arrest qabel ma l-Avukat Roberto Montalto kellmu dwar Rica, li kien lest jikkopera mal-Pulizija.
Qal li f’diversi ċirkostanzi Rica beda jbiddel il-verżjonijiet tal-fatti, iżda l-punti ewlenin baqgħu l-istess. L-Ispettur ikkwota wkoll lil wieħed mill-bouncers, li kien qallu li ra lil Dobre jagħti daqqa ta’ ponn wara li kien hemm kommossjoni. Ix-xhud kompla li l-Pulizija ġiet infurmata minn dik Rumena li Dobre ġie mwaqqaf u fil-bidu ta’ April inġieb Malta.
Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fost l-oħrajn Dobre qal li kien jaħdem ma’ kumpanija tal-kostruzzjoni u li qatt ma kellu xi problemi mal-Pulizija jew ma’ xi ħadd ieħor. Madankollu, qal li kien jaf li ġie arrestat għax kellu argument ma’ persuna li taha daqqa ta’ ponn u mietet. Qal ukoll li l-vittma kien aggredieh għax tah daqqa ta’ ħarta qabel ma hu tah daqqa ta’ ponn fuq geddumu. Lill-Pulizija spjegalhom li ddispjaċieh ta’ dak li għamel, iżda qata’ biljett għar-Rumanija u telaq.
L-Ispettur Carlos Cordina kompla jikkwota l-istqarrija li ta Dobre, fosthom li mar ir-Rumanija minħabba ommu. Qal li ħarab minħabba l-inċident u anke għax ġie mgħarraf li ommu għandha problemi fi griżmejha u jekk ma tagħmilx intervent se tmut fgata.
Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Roberto Montalto.
//= $special ?>