Il-Kap tal-Oppożizzjoni jfakkar lil Victor Galea Pace bħala persuna li emmen f’politika li tista’ tbiddel il-ħajja tan-nies u li tista’ tkun nadifa
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lil min irid jagħti servizz fil-politika biex jipparteċipa f’partit politiku li jemmen fih, kif hu l-eżempju tal-eks-Deputat Nazzjonalista Victor Galea Pace li emmen fil-politika li tista’ tbiddel u tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies u emmen f’politika wkoll li tista’ tkun nadifa.
Dan il-messaġġ u l-appell sar fil-Parlament illejla hekk kif il-Kamra sellmet u kkommemorat lill-eks-Deputat Nazzjonalista Victor Galea Pace li miet fl-età ta’ 72 sena fis- 6 ta’ Marzu li għadda, u li kien elett fil-Parlament fl-elezzjonijiet tal-1996 u tal-1998, u serva fil-Kunsill Lokali tal-belt Victoria fejn kien ukoll l-ewwel Sindku ta’ din il-lokalità.
Politiku li ta servizz mill-aktar eżemplari
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ftit huma li jagħmlu l-pass li jagħtu servizz fil-politika biex jagħtu servizz, u fisser lil Victor Galea Pace li kien wieħed mill-politiċi li taw servizz mill-aktar eżemplari.
Simon Busuttil qal li Victor Galea Pace beda l-karriera politika tiegħu fir-rivoluzzjoni siekta li twettqet fit-twaqqif tal-kunsilli lokali. Il-ħidma tiegħu kienet evidenti f’Għawdex u fil-belt Victoria bħala l-ewwel Sindku ta’ din il-belt ewlenija f’Għawdex.
Fakkar fil-ħidma tiegħu biex immaterjalizzaw l-ewwel proġetti mill-Kunsill ta’ Victoria u kien fost dawk li beda l-passi biex il-kunsilli jiksbu r-rispett. Semma l-proġetti ta’ pavimentar, ta’ tisbiħ u tħawwil ta’ siġar flimkien ma’ proġetti oħrajn li jħallu impatt kbir fuq ir-residenti tal-lokalità.
Sellem lil Victor Galea Pace għall-mod li mexa mill-karriera politika fuq livell lokali għall-parlament nazzjonali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar aspetti u setturi li kienu għal qalb Victor Galea Pace; fosthom l-ambjent u l-agrikoltura f’Għawdex; u għall-ħolma li minn dejjem kellu li jiġu restawrati l-akwidott li hemm fil-gżira ta’ Għawdex.
Fakkar ukoll lil Victor Galea Pace li kien jemmen bis-sħiħ f’Korp tal-Pulizija li jkun afdat u dan wara l-esperjenza tal-poplu tas-snin tmenin.
Kien jemmen ukoll fl-isport li jagħti saħħa u stil ta’ ħajja sana, b’ħolma oħra tiegħu tkun il-proġett ta’ pixxina f’Għawdex li tagħti spinta wkoll lill-waterpolo fil-gżira Għawdxija. Ħolma oħra kienet dik għas-sħubija fl-UE, li minnha jgawdi wkoll Għawdex kif ibbenefikat ukoll il-gżira t’Għawdex bis-sħubija fl-UE.
Simon Busuttil sellem ukoll lis-Sinjura Galea Pace li kienet preżenti fil-Parlament għal din il-kommemorazzjoni flimkien mal-familja tagħha u qraba ta’ Victor Galea Pace. Mara li fissirha bħala persuna li tat appoġġ kbir fis-servizz politiku li ta żewġha hekk kif tifhem ukoll l-importanza tal-politika għaliex għadha sal-lum toffri s-servizzi tagħha fil-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u serviet ukoll bħala Sindku tal-belt Victoria.
Maħbub dejjem miż-żewġ naħat tal-Kamra
Il-Ministru Chris Cardona, f’isem il-Gvern, sellem u fakkar lill-eks-Deputat Nazzjonalista li qal li kien jafu fil-Parlament bħala persuna li barra li kien maħbub dejjem miż-żewġ naħat tal-Kamra, kellu l-popolarità mhux biss ibbażata fuq dik politika iżda popolarità simpatika. Fissru wkoll bħala politiku tal-qalb.
Jibqa’ jiftakru bħala persuna li kien jagħti pariri ta’ missier lid-deputati żgħar bħala missier, hekk kif irrimarka li kien hu li infurmar li l-familja ta’ Victor Galea Pace hi relatata mal-familja Cardona.
Il-Ministru Chris Cardona qal li Victor Galea Pace ħalla memorji sbieħ għax dejjem ħares lejn il-politika b’mod ġenwin minn persuna umli, maħbub u rispettat ukoll għaliex kien bniedem tal-kelma u li jitkellem b’mod miftuħ fuq il-politika. Jibqa’ mfakkar ukoll, fisser Chris Cardona, bħala politiku li kien jemmen b’mod ġenwin li għad jiġi żmien fejn iż-żewġ partiti jagħmlu gvern ta’ koalizzjoni.
Il-Parlament ikkommemora u sellem lill-eks-Deputat Nazzjonalista Victor Galea Pace bil-pubblikazzjoni wkoll ktejjeb ta’ kommemorazzjoni.
Politiku bi prinċipju sod
L-Ispeaker Anġlu Farrugia fakkru bħala politiku bi prinċipju sod u li qatt ma attakka b’mod personali lill-partit oppost fil-Parlament. Peruna wkoll ta’ prinċipju li dejjem kien jirrispetta lil kulħadd u x-xogħol tal-membri parlamentari kollha, għax fissru bħala politiku ġentlom fil-manjieri tiegħu.
Fakkar ukoll li l-eks-Prim Ministru Mintoff fil-Parlament ukoll kien jistaqsi għal Victor Gaela Pace għaliex ukoll kellu rispett lejh.
L-Ispeaker sellem ukoll lil Victor Galea Pace għall-kelma sabiħa li dejjem kellu b’daħka fuq fommu.
//= $special ?>