Iż-żewġ stilisti Taljani Domenico Dolce u Stefano Gabbana, ta’ Dolce&Gabbana, f’intervista, esprimew irwieħhom kontra “tfal tal-kimika” u qajmu polemika mal-kantant Elton John li għandu tfal bi tnissil artifiċċjali mar-raġel tiegħu David Furnish.
Domenico Dolce, li ddikkjara kemm-il darba li hu omosesswali, qal li hu kontra l-adozzjoni minn koppji omosesswali u li t-tnissil tat-tfal għandu jkun b’mod naturali u ċerti affarijiet m’għandhomx jiġu modifikati. Iddeskriva tfal imnissla b’mod artifiċċjali bħala “tfal tal-kimika li m’għandhom la omm u lanqas missier”.
Fuq Twitter, il-kantant Ingliż Elton John fetaħ attakk feroċi fuq il-koppja ta’ stilisti u nieda l-hashtag “boycottDolceGabbana”, li għalih diġà urew l-appoġġ tagħhom personalitajiet bħal Ricky Martin, li wkoll għandu żewġt ulied bi tnissil artifiċċjali, u Courtney Love. Din tal-aħħar saħanistra qalet li se taħraq il-ħwejjeġ li għandha diġà bil-firma Dolce&Gabbana.
Elton John staqsa kif jippermettu lilhom infushom jikkritikaw it-tnissil in vitro, li ddeskrivih bħala miraklu u li ppermetta mhux biss lilu li jkollu żewġ ulied imma wkoll eluf ta’ koppji oħra omosesswali u eterosesswali. Staqsa kif jippermettu lilhom infushom jiddeskrivu lil uliedu bħala “sintetiċi”.
Elton John hu missier ta’ John Zachary, ta’ tliet snin, u ta’ Elijah, ta’ sena. Il-kantant saħaq li hu mhux se jilbes xejn iktar iffirmat minn Dolce&Gabbana.
Għal din id-dikjarazzjoni, Stefano Gabbana qal li l-istilisti jemmnu fid-demokrazija u fil-libertà tal-espressjoni u li dak li qalu kienet biss opinjoni tagħhom u ebda ġudizzju fuq l-għażliet ta’ ħaddieħor.
Mit-Taljandja fejn jinsabu għal btala, Dolce u Gabbana qed jippruvaw jirreaġixxu għad-dikjarazzjonijiet iebsa li ħarġu b’reazzjoni għal dak li qalu. Domenico Dolce qal li hu, bħala Sqalli, trabba f’kuntest fejn għalih il-familja hi dik magħmula mill-omm, il-missier u l-ulied. B’daqshekk ma jfissirx li ma jagħrafx realtajiet oħra, imma tkellem għalih innifsu mingħajr ma għadda ġudizzji fuq ħaddieħor.
//= $special ?>