Għawdex Lokali Parlament

Ebda estensjoni ta’ lukanda f’Għawdex

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m’approvat l-ebda applikazzjoni għal estensjoni ta’ lukanda eżistenti f’Għawdex wara li daħlet fis-seħħ il-policy li tagħti permess biex dan isir.

Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister dwar Għawdex, Chris Said.

Il-Prim Ministru kien mistoqsi jgħid kemm-il lukanda f’Għawdex applikat mal-MEPA biex iżżid sular jew aktar wara li daħlet fis-seħħ il-policy li tagħti permess biex dan isir.

Ix-Shadow Minister staqsa wkoll lill-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-lukandi li applikaw wara d-deċiżjoni li ħa l-Gvern, u kemm huma mistennija jżidu sodod kull lukanda permezz ta’ din l-applikazzjoni.

Il-Prim Ministru ma seta jagħti ebda informazzjoni quddiem ir-realtà li l-MEPA s’issa m’approvat ebda applikazzjoni.