Bejn is-Sibt u l-Ħadd kompla il-ġlied qalil ma’ ġellieda tal-ISIS wara attakk minn forzi taħt il-kmand tal-Gvern bażat fi Tripli.
Jidher li ġellieda tal-al-Shorooq, li huma alleati mat-tmexxija fi Tripli mexxew l-attakki kontra l-ISIS fil-belt li fiha kien trabba d-ditattur Libjan Muammar Gaddafi. Ġlied li ħalla diversi nies mibdruba jew mejta.
Skont xhieda, il-ġlied ma effettwax il-qalba ta’ Sirte imma beda fil-periferiji tal-belt. Dan wara li ġellieda tal-ISIS poġġew checkpoint tul triq ewlenija mal-kosta u bdew iwaqqfu l-karrozzi u jagħmlu spezzjonijiet.
Membri tal-forza al-Shorooq marru fil-post biex jaraw x’kien qed jiġri imma hekk kif waslu, dawk li kienu qed imexxu ċ-checkpoint fetħu n-nar fuqhom u beda l-ġlied bejn iż-żewġ naħat.
Din iz-zona ilha lok ta’ ġlied minn Diċembru meta l-forzi ta’ al-Shoerooq ppruvaw jieħdu l-kontroll taż-żewġ portijiet għall-esportazzjoni taż-żejt ewlenin fil-Libja – Es Sider u Ras Lanuf. Dawn huma f’idejn il-forzi tal-Gvern Libjan f’Tobruk. Il-portijiet issa jinsabu magħluqa minħabba l-ġlied li hemm.
Fi Frar hekk kif ir-rapporti dwar il-preżenza tal-ISIS fil-Libja kienu qed jiżdiedu, it-tmexxija ta’ Tripli kienet qalet li bagħtet forza biex tkeċċi l-ISIS minn Sirte imma eżattament x’ġara mhux magħruf.
Sadattant il- A Human Rights Watch qalet li għandha evidenza li fil-Libja qed jintużaw dawk li huma magħrufa bħala cluster bombs – bomba li minnha joħorġu ħafna bombi żgħar u jisplodu bl-addoċċ u huma ta’ periklu kbir għall-popolazzjoni.
Ir-rapport tal-Human Rights Watch li nħareġ ilbieraħ, iżda, ma jispeċifikax min kien wara l-użu tagħhom, imma s-suspetti huma li aktarx kienu ajruplani taħt il-kmand tal-Gvern bażat f’Tobruk.
Ikompli l-ġlied mal-ISIS madwar Sirte fil-Libja
