Il-Ministru Leo Brincat jiddefendi l-ħlasijiet li qed ikollhom iħallsu għall-ewwel darba. Kaċċatur €20 u min hu nassab u kaċċatur €40.
Mal-400 servizz tal-Gvern li minn din is-sena l-ħlasijiet għalihom se jkun ta’ madwar 10% ogħla, il-kaċċaturi u n-nassaba sabu wkoll taxxa oħra. Biex jiksbu l-Carnet de Chasse, għall-ewwel darba l-Gvern talab il-ħlas ta’ €20 lill-kaċċaturi, u lil min hu kaċċatur u nassab id-doppju – €40.
Il-Ministru Leo Brincat responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, fil-Parlament ma qalx u ħeba kemm hu l-ħlas li qed jintalab lill-kaċċaturi u n-nassaba iżda ddefenda l-ħlasijiet li qed jintalbu jħallsu għall-ewwel darba, u minn dan il-Gvern, il-kaċċaturi u n-nassaba.
Il-Ministru Leo Brincat qal fi tweġiba li ta għal mistoqsijiet parlamentari tax-Shadow Minister dwar Għawdex, Chris Said, li l-ħlasijiet qegħdin hemm sabiex jirkupraw l-ispejjeż amministrattivi assoċjati mal-amministrazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-settur tal-insib u l-kaċċa, u mas-servizz regolatorju għall-kaċċaturi u n-nassaba.
Ix-Shadow Minister fil-Parlament kien staqsa lill-istess Ministru jgħid għaliex ġiet introdotta taxxa ġdida ta’ €20 fuq kull kaċċatur u oħra lil kull nassab; x’inhu l-iskop ta’ din it-taxxa; u jekk dan sarx bi ftehim mal-għaqdiet tal-kaċċaturi u nassaba.
Il-Ministru Brincat kien wieġeb li ma kienet introdotta ebda taxxa. Iżda meta x-Shadow Minister Chris Said kien reġa’ staqsa lill-istess Ministru jgħid jekk ġietx introdotta xi fee, multa amministrattiva jew xi ħaġa simili fuq il-kaċċaturi u n-nassaba, il-Ministru Leo Brincat ammetta li kien hemm ħlasijiet iżda ma qalx kemm hu l-ħlas u li dan il-ħlas kien qed jiġi mitlub għall-ewwel darba.
Il-Ministru Brincat kien qal ukoll li l-ħlasijiet ġew diskussi b’mod estensiv mar-rappreżentanti tal-kaċċaturi u n-nassaba qabel l-introduzzjoni tagħhom.
Kaċċaturi u nassaba qed isostnu li kienu sorpriżi li kienu qed jiġi mitluba li jħallsu għall-ewwel darba dawn il-ħlasijiet, meta qabel il-Carnet de Chasse kien jingħata b’xejn.
Ilmentaw ukoll li ħafna kaċċaturi u nassaba ma kinux infurmati b’dan il-ħlas, u ddeskrivew l-ammont ta’ €20 lill-kaċċaturi u l-ħlas ta’ €40 jekk hu kaċċatur u nassab, bħala taxxa oħra ta’ dan il-Gvern.
//= $special ?>