Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ b’fommu magħluq dwar il-klawsoli mgħottija fil-kuntratt ta’ Henley & Partners

“Il-Gvern ma jridx trasparenza f’dan il-proċess” – Tonio Fenech

Il-Gvern għażel li jibqa’ b’fommu magħluq meta ntalab jagħti spjegazzjoni għalfejn numru ta’ klawsoli nżammu mgħottija fil-kuntratt ta’ Henley & Partners li kien imressaq fuq il-mejda tal-Kamra.

Il-Ministru Owen Bonnici kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi li kien qed jiltaqa’ nhar it-Tnejn filgħaxija.

Il-Ministru Owen Bonnici ppreżenta notamenti u qal li mhux lest li jmur lil hinn minn dawn in-notamenti. Huwa qal li dan huwa programm kompetittiv u hu mhux lest li jagħti dettalji dwar dan il-programm fuq platt tad-deheb lill-kompetituri. Kif bdiet tiġi diskussa klawsola 5.2.3 li tħalliet barra Bonnici qal li din tħalliet barra minħabba li din il-klawsola hija dwar proċess intern li ma jistax jinkixef. Madankollu d-Deputat Mario De Marco indika li l-proċess huwa indikat minn klawsola 9 u mhux minn klawsola 5.

Ic-Chairman tal-PAC staqsa jekk din il-klawsola għandhiex xi impatt finanzjarju fuq id-dħul tal-Gvern u jekk tippreżentax xi limiti fuq l-obbligi tal-konċessjonarju. Madankollu Owen Bonnici għażel li ma jweġibx għal dawn il-mistoqsijiet u, fid-dawl ta’ dan, iċ-Chairperson tal-PAC qal li għaldaqstant id-deċiżjoni dwar din il-klawsola għandha tgħaddi għand l-Ispeaker.

Minn naħa tiegħu d-Deputat Mario De Marco staqsa jekk Henley & Partners hux ipprojbit milli jgħin pajjiżi oħrajn għax, jekk dan huwa l-każ, it-tweġiba ta’ Owen Bonnici dwar il-kunfidenzjalità taqa’ kollha.

Minn hawn segwiet diskussjoni dwar jekk din il-klawsola għandhiex tgħaddi għad-deċiżjoni tal-Ispeaker bl-Oppożizzjoni ssostni li id-deċiżjoni għandha tgħaddi għand l-Ispeaker. Madankollu wara votazzjoni fil-kumitat, il-membri tal-Gvern ivvutaw kontra li din il-klawsola tgħaddi għad-deċiżjoni tal-Ispeaker.

Matul is-seduta kienu diskussi wkoll il-performance targets mqiegħda fuq Henley and Partners bid-Deputat Owen Bonnici jgħid li minkejja li dawn it-targets huma msemmija ħafna drabi, dawn huma biss kjarifiki tal-istess targets.

Fl-analiżi ta’ klawsola oħra li nżammet moħbija, il-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-PAC staqsew jekk hemmx xi ħlasijiet oħra lil hinn mill-4% marketing and processing fees, il-Ministru Owen Bonnici qal li dawn il-ħlasijiet huma ħlasijiet għal due diligence minn kumpanija esterna bil-membri tal-Oppożizzjoni jindikaw li l-ħlasijiet tal-processing fees suppost jitħallsu minn min qed japplika għaċ-ċittadinanza.

Il-Ministru Bonnici mistenni jibqa’ jwieġeb il-mistoqsijiet tal-kumitat tal-PAC meta dan il-kumitat jerġa’ jiltaqa’ għas-seduta li jmiss.