Lokali

Il-Housevisits

Issa ili fil-politika mhux ħazin. Il-Malti jgħid bjaditli xahri. Naturalment jien ma nistax ngħid hekk…forsi nista ngħid waqatli xahri fil-politika . Ikkontestajt diversi elezzjonijiet lokali u ġenerali u organizzajt ħafna attivitajiet bħal coffee mornings u attivitajiet socjali fl-għaxijiet. Dawn kollha huma mod tajjeb biex tiltaqgħa man-nies u nieħu gost norganizzahom, pero huwa fatt li f’dawn l-attivitajiet jattendu l-istess nies u li jammontaw għal mhux aktar minn 10% tal-elettorat fid-distrett.

In-nies qegħdin fi djarhom u xejn ma jissostitwixxi l-kuntatt personali permezz taz-zjajjar fid-djar. Bħalissa qiegħed inħabbat bieb bieb f’Birzebbuġa fejn ser nikkontesta l-elezzjoni lokali tal-11 t”April. Niltaqgħa man-Nazzjonalisti u ma ħafna aktar Laburisti peress li hija lokalita b’maġġoranza Laburista. Nieħu gost nitkellem u nitgħallem mingħand in-nies.

F’kull ġurnata ta’ Homevisits niltaqgħa ma nies b’emozzjonijiet differenti. Il-ġimgħa li għaddiet per ezempju fl-istess jum iltqajt ma familja ferħana li kellhom l-ewwel wild. Iltqajt ma Anzjana tibki għax bintha isseparat. Imbagħad mort għand familja li għandhom tifla b’dizabilita u li jridu jogħqodu magħha 24 siegħa kuljum.

Huwa tassew ta’ privileġġ għalina l-kandidati li nistgħu nidħlu fid-djar tan-nies. Hafna drabi l-iskop oriġinali li tkun ħabbat il-bieb għalih (biex takkwista il-vot) isir sekondarju meta wara l-bieb li tħabbat titfaċċa persuna li tkun għatxana biex taqsam ftit l-uġigħ tagħha miegħek.

Nassigurakom li l-ebda ammont ta’ voti li tista ġġib ma jagħtik sodisfazzjon daqs kemm meta tgħin lil xi ħadd jerfa biċċa mis-salib tiegħu.