Wara li nhar il-Ħadd li għadda, il-ġurnal The Times of Malta żvela l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ inkjesta dwar l-arrest ta’ Darryl Luke Borg, li mhux biss ikkonkluda li Borg kien innoċenti, iżda li dak li sar kien żball ta’ żewġ Spetturi tas-CID, l-Avukati ta’ Borg ippreżentaw nota permezz ta’ rikors fil-Qorti Kostituzzjonali biex il-Qorti tordna kopja awtentika tar-rapport tal-inkjesta u tieħu l-provvedimenti xierqa u opportuni.
Darryl Luke Borg, ta’ 27 sena minn Birkirkara, kien tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati akkużat b’serqa li rriżulta li wettaqha ħaddieħor. Hu kien appella minn sentenza ta’ Imħallef li fiha kien ikkonkluda li meta ġie arrestat mill-Pulizija, Borg ma kellux id-drittijiet tiegħu miksura.
Borg kien beda proċeduri fejn anke kien għamel talba għal kumpens, iżda din ma kinitx ġiet milqugħa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Hu appella mis-sentenza u l-Qorti Kostituzzjonali mistennija tagħti deċiżjoni fis-27 ta’ Marzu li ġej.
Oriġinarjament, Darryl Luke Borg kien tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fis-7 ta’ Awwissu 2013. Dakinhar kien mixli li fl-4 ta’ Awwissu tal-istess sena ikkommetta hold-up fil-ħanut “The Convenience Shop” f’Birkirkara u li żamm żewġ impjegati, Sue Ellen Cassar u Franklyn Grech, kontra l-volontà tagħhom.
Għalkemm wieġeb li ma kienx ħati, Borg kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda imma peress li kien għaddej minn ‘treatment order’ fl-Isptar Monte Karmeli kien baqa’ jinżamm f’dan l-isptar minflok ittieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fid-9 ta’ Awwissu tal-istess sena, l-avukati tiegħu kienu saru jafu li fl-istess jum kien tressaq żagħżugħ ieħor dwar l-istess każ u li dan kien ammetta li wettaq is-serqa waħdu.
Għalkemm Borg eventwalment inħeles, l-avukati tiegħu, David Camilleri u Joseph Gatt, fetħu kawża kostituzzjonali fejn qalu li l-klijent tagħhom kellu d-drittijiet tiegħu miksura u anke talbu li jingħata kumpens għal dak li għadda minnu. Madankollu, l-Imħallef Tonio Mallia ma laqgħalhomx it-talba fejn qal li meta jitqies li Borg kellu proċeduri oħra dwar serq, il-Pulizija kienet ġustifikata li ssuspettat fih u żied li huwa irrelevanti li jekk iċ-ċirkostanzi kienu biżżejjed biex jippruvaw li huwa kien ħati.
L-avukati ta’ Borg appellaw minn din id-deċiżjoni fejn saħqu li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex hu jiġi arrestat. Saħqu li l-Imħallef Mallia donnu ma riedx jidħol fil-mertu jekk il-Pulizija aġixxietx b’mod korrett u waqt li qalu li din hija linja totalment żbaljata u faċilment tagħti lok għal abbuż, sostnew li jkun ta’ ħsara għall-kunċett tal-libertà tal-bniedem jekk il-Qrati jibdew jadottaw din l-attitudni li l-aġir tal-Pulizija huwa insindikabbli.
L-avukati ta’ Borg żiedu wkoll li l-Imħallef Mallia żbalja meta rrimarka li l-arrest tal-klijent tagħhom ma kienx kontestat fejn qalu li meta persuna tiġi akkużata, min ikun qed jidher għalija ma jkunx jaf xi provi jkollha f’idejha l-Pulizija. Huma rrimarkaw li ma jistgħux jifhmu għaliex l-Imħallef Mallia ddedika ammont sostanzjali tas-sentenza tiegħu jikkritikahom talli ma ressqux lill-Ispettur Elton Sultana meta l-eżami ta’ min għamel l-iżball kien wieħed inutli fil-kawża.
Iż-żewġ avukati saħqu li kien proprju għalhekk li ressqu bħala prova r-rapport tal-Bord tal-Pulizija fejn dan wera li l-Pulizija aġixxiet b’mod negliġenti fil-konfront tal-klijent tagħhom. Huma għalhekk talbu lill-Qorti Kostituzzjonali biex tħassar is-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.
Kien għalhekk li l-Avukati Camilleri u Gatt talbu lill-Qorti Kostituzzjonali biex tieħu konjizzjoni ta’ dak li ħareġ mill-inkjesta, anke jekk l-istess Qorti mhijiex marbuta bil-konklużjonijiet tar-rapport, iżda dan ġie ppreżentat fl-interess tal-ġustizzja.
//= $special ?>