Il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo, Tonio Mallia u Noel Cuschieri, irrevokat kumpens ta’ €7,000 mogħti mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili lill-Brittaniku Daniel Holmes, li qed iservi sentenza ta’ 10 snin u nofs ħabs fuq kultivazzjoni tad-droga kannabis.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali biex tibdel sentenza mogħtija f’Ottubru li għadda, meta l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti ta’ Sede Kostituzzjonali, kienet ordnat li Holmes, minn Wales u li kien jgħix Għawdex, jingħata l-kumpens minħabba dewmien bla bżonn biex jiġi deċiż il-każ tiegħu.
Il-fatti tal-każ imorru lura sa Ġunju tal-2006 meta Holmes kien ħalla stqarrija lill-Pulizija li spjegat li l-kultivazzkoni ta’ għadd kunsiderevoli ta’ pjanti li nstabu fir-residenza tiegħu, kienu biss għall-użu personali. Fil-21 ta’ Ġunju tal-2006, huwa kien tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex mixli b’importazzjoni, kultivar u traffikar ta’ kannabis.
Il-Pulizija kienet qalet li Holmes kellu fil-pusses tiegħu ftit aktar minn kilo kannabis niexfa u 0.24 gramma ta’ reżina tal-kannabis li l-valur tagħha jlaħħaq €11,694.44. L-Avukat Ġenerali kien ħareġ l-akkużi biex Holmes jgħaddi ġuri f’Jannar tal-2010 u l-ġuri kien appuntat fid-9 ta’ Novembru tal-istess sena. Il-ġuri kien ġie differit u appuntat għall-21 ta’ Novembru tal-2011 fejn Holmes kien ammetta għall-akkużi miġjubin kontrih.
Fl-24 ta’ Novembru tal-2011 Holmes kie ġie kkundannat 10 snin u nofs ħabs u mmultat €23,000. Din is-sentenza kienet konfermata mill-Qorti tal-Appell fil-31 ta’ Ottubru tal-2013. Wara Holmes kien beda battalja kostituzzjonali fejn kien qal li kienu ġew mittiefsa d-dittijiet fundamentali tiegħu. Kien fit-3 ta’ Ottubru li għadda li huwa ngħata kumpens ta’ €7,000 fuq vjolazzjoni tad-drittijiet tiegħu u dritt għal smiegħ xieraq.
Il-Qorti kienet qalet li l-proċeduri kriminali kontrih ħadu żmien mhux raġjonevoli u li kien espost għal kastig arbitrali. Il-Qorti qalet ukoll li l-Artiklu 22(1) fuq drogi perikolużi kien wieħed ta’ natura “mhux kostituzzjonali” għaliex dan naqas milli jiddistingwi bejn droga għall-kultivar u l-għan tal-użu personali u kultivar għat-traffikar.
Dan ifisser li l-parametri għal piena tħallew wiesgħin ħafna, u li dan jammonta għal bejn sitt snin u għomor il-ħabs. Madankollu l-Qorti Kostituzzjonali qalet li d-drittijiet ta’ Holmes ma ġewx mittiefsa skont il-liġi minħabba li hu stess ammetta li kkultiva l-kannabis għat-traffikar.
L-istess Qorti Kostituzzjonali qalet li għalhekk kienet qed tilqa’ t-talba tal-Avukat Ġenerali u qalet li l-liġi mhix qed tmur kontra l-Kostituzzjoni, kif qalet il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Il-Qorti rrevokat ukoll il-parti fejn kien ingħad li Holmes kellu d-drittijiet tiegħu mittiefsa minħabba d-dewmien u żmien raġonevoli.
//= $special ?>