Lokali

Joe Debono Grech hu wieħed mill-apoloġisti tal-Gvern tal-Ażerbajġan – l-ESI

Il-grupp internazzjonali European Stability Iniatitve (ESI) jikkunsidra lid-Deputat u eks Ministru Laburista Joe Debono Grech bħala wieħed mill-apoloġisti ewlenin tal-Gvern tal-Ażerbajġan. Rapport tal-ESI ipoġġi wkoll ir-relazzjonijiet bejn il-Gvern Laburista u l-Gvern tal-Ażerbajġan f’perspettiva li għandha tkun ikkunsidrata wkoll fil-kuntest ta’ stejjer li qed joħorġu bħalissa.

L-aħħar fost dawn l-istejjer hi dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, li kkritka bil-qawwa lill-Gvern Laburista għall-mod kif xtara żejt mill-Ażerbajġan b’intervent tal-Ministru Konrad Mizzi. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni dwar Joe Debono Grech tirriżulta mir-rapport “Caviar Diplomacy: How Azerbaijan silenced the Council of Europe”, li jiffoka fuq strateġija tal-Gvern tal-Ażerbajġan biex jikkontrolla politiċi li jkunu qed jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni politika diffiċli u kontroversjali fl-Ażerbajġan.

Id-Deputat Laburista kien Rapporteur tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ dwar l-Ażerbajġan u kien appuntat f’din il-kariga propju minn sħabu politiċi li wkoll jappoġġjaw lill-Gvern tal-Ażerbajġan. Fl-isfera internazzjonali, il-Gvern tal-Ażerbajġan hu kkritikat għall-mod anti-demokratiku li bih imexxi l-pajjiż u għall-korruzzjoni preżenti fil-pajjiż.

Ir-rapport jiffoka wkoll fuq il-mod kif il-Gvern tal-Ażerbajġan jagħti rigali lill-politiċi li jiffavorixxuh, għalkemm jindika li mhux kull politiku li jitkellem favur l-Ażerbajġan jagħmel dan għal skopijiet negattivi.

Ir-rapport fil-kuntest ta’ Debono Grech hu car u jikkwota dikjarazzjonijiet li għamel favur il-Gvern kontroversjali tal-Ażerbajġan billi saħansitra ddefenda r-rekord tiegħu fl-aspett demokratiku. Dan ġab kritika qawwija mill-ESI, li ta lista sħiħa ta’ nuqqasijiet kbar fil-kuntest demokratiku tal-Gvern Ażeri. Joe Debono Grech saħansitra pparaguna l-ġlieda tal-poplu fl-Ażerbajġan biex joħroġ mill-Unjoni Sovjetika mal-Indipendenza ta’ Malta minn mal-Ingliżi fl-1964, fejn qal li hu anke kien spiċċa l-Ħabs għax kien iġġieled għall-Indipendenza ta’ Malta.

Ir-rapport internazzjonali jispjega kif id-diskorsi ta’ Debono Grech intlaqgħu b’mod pożittiv ħafna mill-awtoritajiet Ażeri, li faħħruh għad-diskors li għamel u ddeskrivewh bħala politiku li qed iwassal biex il-kwisttjonijiet jiġu trattati b’mod kostruttiv.