Giovanni Kessler, id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Ewropea ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), illum mistenni jasal Malta minn Brussell flimkien mat-tim tiegħu biex għada jkun imsejjaħ jixhed fil-każ li l-Pulizija qegħda tmexxi kontra Silvio Zammit, li hu akkużat b’tixħim u li pprova jinfluwenza deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-bidu tal-ġbir tal-provi fil-Qorti dwar dan il-każ imur lura għal Diċembru tal-2012 meta Silvio Zammit kien tressaq il-Qorti dwar każ li wassal għar-riżenja tal-Kummissarju Ewropew John Dalli.
L-Aġenzija Ewropea kienet qalet li Silvio Zammit kien talab somma flus biex tinbidel il-liġi Ewropea dwar it-tabakk.
Is-smigħ għada fil-Qorti se jissokta quddiem il-Maġistrat Antonio Vella u mistenni jibda fl-10am.
Ta’ min ifakkar li meta Silvio Zammit kien tressaq il-Qorti f’Diċembru tal-2012 kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.