Kurżitajiet

L-aktar sewwieqa ‘li ma jaħsbuhiex’ huma Taljani, bil-Griegi ‘l-akbar psataż’

Ir-regolatur Taljan, ‘Vinci’, li hu responsabbli min-network tat-toroq, fisser lit-Taljani bħala l-aktar sewwieqa ‘li ma jagħtux każ is-sigurta’, wara stħarriġ fejn mal-10,000 Ewropej wieġbu rigward ‘il-karatteristiċi tagħhom li jispikkaw waqt is-sewqan’.

Mill-istħarriġ ħareġ li 58 fil-mija tat-Taljani ‘ammettew li jissugraw waqt is-sewqan’, bi 38 fil-mija taċ-ċittadini fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea jikkonfermaw li ‘dan hu minnu’. Intant, mal-20 fil-mija tal-Ewropej qalu li l-Griegi wkoll ‘huma disposti li jieħdu s-sogri bla bżonn’ b’dan jagħmilhom ‘it-tieni l-aktar sewwieqa perikolużi fl-Ewropa’.

Il-Griegi, fl-istess ħin, jikkunsidraw lilhom infushom bħala ‘psataz’ ladarba jkunu wara s-steering ta’ karozza. Mal-74 fil-mija tal-Griegi ammettew li taħkimhom ir-rabja waqt is-sewqan’ (road rage) u meta mhix l-ewwel darba li huma insulentaw sewwieqa oħra filwaqt li jagħmlu ‘l-ġesti oxxeni’.

L-Iżvediżi joħorħu minn dan l-istħarriġ bħala ‘l-aktar sewwieqa responsabbli u ċivilizzati’ (b’37 fil-mija) , segwiti mill-Ġermaniżi (b’27 fil-mija), il-Britanniċi u l-Olandiżi (it-tnejn bi 11 fil-mija).

L-għaxar pajjiżi tal-UE involuti fl-istħarriġ kienu l-Belġju, r-Renju Unit, Franza, l-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, Spanja u l-Iżvezja.