Knisja Lokali

L-Arċisqof il-ġdid għandu l-isfida li jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet tal-Knisja man-nies – Simon Busuttil

Bħalma hu qed jibni mill-ġdid il-Partit Nazzjonalista, l-Arċisqof il-ġdid għandu wkoll l-isfida li jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet tal-Knisja man-nies. Stqarr dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara ta’ kortesija mill-Arċisqof-elett Mons Charles Scicluna fil-bini tal-Parlament.

Simon Busuttil, sellem lill-Arċisqof-elett f’isem l-Oppożizzjoni u awguralu mandat twil li jħalli l-frott. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bl-awgurju li l-Knisja tkompli taqdi r-rwol importanti iżda distint fil-ħajja pubblika.

Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof-elett qal li din il-laqgħa fid-Dar tal-Istituzzjonijiet ewlenin tal-pajjiż hi omaġġ tal-Knisja lejn il-ħidma ta’ servizz li jwettqu l-politiċi. Hu fisser l-importanza tar-rwol tal-partiti għall-iżvilupp tad-demokrazija u d-drittijiet taċ-ċittadini.

Mons Charles Scicluna kompla li l-Knisja trid tgħix u tesprimi ruħha. Fl-istess waqt, tifhem u trid tidħol fi djalogu bi spirtu apert ma’ soċjetà aktar wiesgħa ħalli taħdem għall-ġid komuni. Hu sellem il-kontribut tal-Oppożizzjoni, filwaqt li esprima t-tama li dan jibqa’ wieħed qawwi fis-sens ta’ parteċipazzjoni demokratika sana.