L-avukat Lynn Zahra, is-sieħba tal-eks-Ministru Joe Grima, illum konsulent tal-Gvern, qalet li prattikament hi konvinta li kien l-Ispettur Jason Francis Sultana li b’mod illegali rrekkordjaha waqt li kienet fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, madankollu ma esebiet l-ebda prova dwar min għadda dan ir-recording lill-artikolista u blogger Daphne Caruana Galizia.
Min-naħa tagħha Caruana Galizia, fil-Qorti, qalet li ma kienx l-Ispettur Sultana li għaddielha r-recording u li iżda ma tridx tiżvela minn għamel dan għax skont il-liġi hi għandha dritt tipproteġi s-sors tagħha.
Dak il-ħin, l-avukat Zahra bdiet tindirizza fl-awla lil Daphne Caruana Galizia bħala giddieba. Min-naħa tagħha Caruana Galizia wissietha li jekk hi kienet se tkompli tinsisti fuqha, kienet se tippreżenta lment kontriha fuq abbuż u influwenza politika, u titlob lill-uffiċjali tal-Pulizija biex joħorġu l-akkużi kontriha.
L-avukat Zahra qalet li hi kienet marret l-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema biex tiddiskuti l-possibilità li tipproċedi b’libell kontra Caruana Galizia. Qalet li hi tkellmet mal-Ispettur Sultana fil-preżenza tas-Supretendent Ray D’Anastas, u hi aktar minn ċerta li ma kien hemm ħadd aktar preżenti fil-kamra. Qalet ukoll li riedet tagħmel rapport mal-uffiċjali għolja tal-Korp u mhux sempliċement tippreżenta rapport ma’ Pulizija ta’ rank aktar baxxa.
Ix-xhieda ngħatat f’kawża fejn l-Avukat Zahra għamlet sfida fil-Qorti fejn talbet biex il-Kummissarju tal-Pulizija jibda proċeduri kriminali kontra l-Ispettur Sultana. Qalet li l-imġieba ta’ dan l-Ispettur kienet qed tikser l-artiklu 257 tal-Kodiċi Kriminali – li jikkonċerna s-segretezza professjonali, u għalhekk kienet qed titlob lill-Kummissarju biex iressaq lill-Ispettur Sultana l-Qorti.
L-avukat Zahra qalet li għall-ewwel hi ma kinitx konxja li l-Ispettur kien qed jirrekordja l-konverżazzjoni tagħha. “Min jistenna affarijiet bħal dawn minn Spettur tal-Pulizija?” staqsiet l-avukat u qalet li rrealizzat dan kollu meta Caruana Galizia qalet li l-konverżazzjoni tagħha ġiet rekordjata permezz tal-iPhone.
L-avukat Zahra kompliet tgħid: “Kien hemm xi ħaġa dwar dak il-mobile li kien qed idejjaqni fuq id-diskursata li kelli, iżda ma stajtx nipponta subgħajja dwar dan sakemm Caruana Galizia tefgħet kollox fuq il-blog tagħha fejn hija qalet ukoll li kien hemm xi ħadd qed jiddieħaq biha”.
L-avukat Zahra qalet li dakinhar, f’ħin minnhom, daqq il-mobile tal-Ispettur Sultana, huwa wieġbu u poġġieh fuq il-mejda. Dan kien moħbi bejn diversi dokumenti li kienu fuq il-mejda tal-istess Spettur. Qalet ukoll li għal ħinijiet twal l-Ispettur Sultana beda jilgħab ukoll bil-mobile. Ix-xhud qalet ukoll li fil-blog tagħha, Caruana Galizia għal tal-apposta ħallietha vaga dwar fejn hija kienet qed titkellem fl-Għassa tal-Pulizija u fejn ġiet irrekordjata.
Kompliet tgħid li hija marret għand dak li kien il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, jiġifieri Peter Paul Zammit, li qabel li hija kellha tieħu passi legali kontra Caruana Galizia. Iżda Zammit kien talabha biex tistenna peress li l-Ispettur kien se jagħmel operazzjoni.
Ix-xhud qalet ukoll li wara li seħħ l-inċident, xi ħadd kien se jidħilha d-dar meta kienet hemm u ċemplet lill-Kummissarju ta’ dak iż-żmien fejn qaltlu biex ma jibgħatx lill-Ispettur Sultana biex jinvestiga l-każ, iżda xorta waħda kien mar hu għandha. Qalet li kien ovvju li ma fdatx lill-Ispettur Sultana u li meta kkonfrontatu huwa ċaħad li kien irrekordjaha.
Xehed ukoll is-Superintendent D’Anastas li qal li fl-ebda ħin ma nnota lill-Ispettur jirrekordja l-konverżazzjoni u qal ukoll li hu ma kienx preżenti għal-laqgħa kollha mal-Avukat Zahra.
L-Ispettur Sultana ċaħad bil-qawwa kollha li rrekordja lill-avukat jew ta xi recording lil Caruana Galizia. Qal li kien biegħ l-iPhone 4, it-tip ta’ mobile li ngħad li ntuża fil-konverżazzjoni, u li qabel ma biegħu kien għamel factory reset.
L-Avukat Andrew Borg Cardona, li deher għall-Ispettur Jason Sultana, qal li hu normali li xi ħadd jagħmel factory reset qabel ma jbiegħ il-mobile tiegħu lil terzi persuni għall-kunfidenzjalità, anke jekk wieħed ibiegħu lin-nannuh, jispiċċa jagħmel dan, qal l-istess Avukat. Il-każ se jkompli f’Mejju li ġej.
//= $special ?>