Lokali Parlament

L-awtonomija tax-xandir nazzjonali bdiet titnaqqar

Il-PBS żied fl-aħħar sentejn l-impjegati bejn 30% u 50%

Il-Gvern kien ikkritkat għall-mod li bih l-awtonomija tax-xandir nazzjonali bdiet titnaqqar u sar għodda f’idejn il-Gvern li qed tintuża għal skop partiġjan biex jiddefendi l-azzjonijiet kontroversjali tal-Gvern.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Komunikazzjoni u l-Politika Awdjoviżiva, Clyde Puli, ikkritika fil-Parlament il-mod kif l-istazzjon nazzjonali, suppost strument li jinforma u jeduka, qed jaljena lill-poplu u jgħalfu informazzjoni bla sustanza.

Clyde Puli għamel riferenza għal diversi każijiet li ddominaw l-aħbarijiet mill-bidu ta’ din is-sena u fl-aħħar ġimgħat, u l-mod kif trattahom ix-xandir nazzjonali.

Fost l-eżempji li tkellem dwarhom, semma l-każ ta’ John Rolè, social worker ewlieni li waqqaf il-fostering f’pajjiżna u li f’Jannar kien irċieva l-aħbar mill-Fondazzjoni li magħha hu impjegat, li kien se jitwarrab. Dwar dan il-każ ma nstema’ xejn fuq il-PBS meta fuq is-social media u l-media l-oħra kienu qed jiddominaw l-istejjer ma’ dan il-każ.

Każ ieħor tratta l-ammissjoni tal-Prim Ministru li l-power station ma kinitx se tkun lesta minkejja l-wegħda solenni tal-istess Prim Ministru. Il-PBS fir-rapporti tiegħu qal li kollox miexi skont il-pjan – li tfissret minn Clyde Puli bħala aħbar xokkanti minn stazzjon suppost nazzjonali li minflok jinforma, jimmanipula l-verità.

Semma wkoll kif aġixxa l-PBS meta ħareġ ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-każ ta’ Cafè Premier, bil-PBS l-għada jiddiskuti l-film ‘Fifty Shades of Grey’.

Meta faqqa’ rapport ieħor serju u ta’ kundanna lil dan il-Gvern dwar il-mod kif jinxtara ż-żejt, il-PBS ma semma xejn dwar il-kontenut tar-rapport tal-Awditur Ġenerali u rrapporta biss meta l-Gvern irreaġixxa għar-rapport tal-Awditur biex jaqdi l-interessi partiġjani tal-gvern tal-ġurnata.

Il-PBS jitlaq mill-pjan strateġiku u kompla jżid il-ħaddiema
Irrifera wkoll għar-rapporti li dehru fil-media dwar id-dejn tal-PBS u qal li dwar dan ma nafux jekk hemmx ġustifikazzjoni u rridu wkoll nistennew ir-rapport tal-Awditur Ġenerali.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni spjega li l-PBS jidher li telaq mill-pjan strateġiku li kien hemm sa ftit tas-snin ilu u li kien beda jaħseb biex itejjeb u jwettaq aġenda serja mifruxa fuq numru ta’ snin.

Clyde Puli kkritika wkoll lill-Gvern għaż-żieda qawwija fl-impjiegi max-xandir nazzjonali wkoll, li qal li minn 90 impjegati żdiedu bejn 25 u 40 impjegat – madwar 30% jew 50% ta’ dak li kellu – li jfisser ukoll żieda qawwija fis-salarji.

Jixxaħħaħ għal €4 miljun f’bini ta’ kumpless sportiv iżda mhux għall-Cafè Premier
Tkellem ukoll dwar il-pjan ta’ Gvern Nazzjonalista li jkollu kumpless sportiv ma’ kull kulleġġ – għaxra b’kollox. Fisser li fil-Kottonera hemm diġà kumpless, hemm ukoll dak ta’ Ħal Kirkop, kien lest il-kumpless f’Għawdex, u wara li tlestiet l-iskola f’Tal-Ħandaq, kellu jibda x-xogħol fuq il-kumpless sportiv, u li kellu jiswa €4 miljun – daqs kemm ħallas il-Gvern għall-Cafè Premier.

Gvern li qed juri li filwaqt li ma sab ebda problema biex joħroġ €4 miljun għall-iskandlu tal-Cafè Premier, fil-qasam edukattiv ċaħħad lit-tfal minn dan il-kumpless u lanqas sab flus biex wara sentejn iwettaq wegħda oħra elettorali u jibni l-pont tal-bypass tal-Imrieħel.