Internazzjonali

L-importazzjoni tal-armi fl-Ażerbajġan tiżdied bi kważi 250 fil-mija

Skont ċifri li għadhom kemm ħarġu minn Stockholm International Peace Research Institute (SIPRI), waħda mill-istituzzjonijiet ewlenin dwar id-dinja militari internazzjonali, l-importazzjoni tal-armi fl-Ewropa naqset b’36 fil-mija bejn l-2005 u l-2009, u l-2010 u l-2014.

Fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit kien l-akbar importatur ta’ armi billi kien responsabbli għal 14 fil-mija tal-armi impurtati. Dan jgħodd ukoll għall-Ewropa bħala kontinent. Warajha hemm l-Ażerbajġan li kien responsabbli għall-importazzjoni ta’ 13 fil-mija tal-armi kollha impurtati mill-Ewropa bħala kontinent – kemm il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk li mhumiex.

Skont SIPRI, l-Ażerbajġan – li hu mdaħħal f’tilwima territorjali taħraq mal-Armenja minħabba r-reġjun ta’ Nagorno Karabakh – żied l-importazzjoni tal-armi b’249 fil-mija tul il-perjodu ta’ żmien tal-2005-2009 u l-2010-2014. Jirriżulta li 85 fil-mija tal-armi li kienu impurtati mill-Ażerbajġan kienu ġejjin mir-Russja.