Internazzjonali

L-ISIS jeqred għal kollox il-qabar ta’ Saddam Hussein

Il-qabar ta’ Saddam Hussein prattikament twitta wara ġlied qawwi bejn il-militanti tal-ISIS u l-forzi tal-Iraq, fi sforz li jirbħu lura l-kontroll tal-belt ta’ Tikrit.

Il-ġlied ħrax ħafna matul il-ġurnata tal-bieraħ bil-forzi Iraqqini jippruvaw jirbħu ċ-ċentru tal-belt fi żmien 48 siegħa. Filmat li ħareġ minn Associated Press juri li dak li fadal minn dak li kien il-qabar rikk ta’ Saddam Hussein issa hemm biss il-kolonni li kienu jżommuh.

Il-qabar kellu wkoll numru ta’ posters kbar ta’ Saddam Hussein imma issa m’għad jidher xejn, aktarx mirdumin taħt ir-radam tal-konkrit.

Skont kaptan għall-forzi Xiiti, l-ISIS attakkaw l-iktar dawn l-inħawi apposta għax hemm il-qabar ta’ Saddam Hussein. Fisser kif madwar il-qabar, il-militanti poġġew bombi lesti biex jisplodu.

L-Istat Iżlamiku ilu li rebaħ il-belt ta’ Tikrit minn Ġunju meta rnexxielu jaħkem ukoll it-tieni l-ikbar belt fl-Iraq, Mosul. Ironikament, il-militanti kienu megħjuna minn dawk leali għal Saddam Hussein, inkluż veterani tal-gwerra, li kienu jħossuhom marġinati mill-Gvern Xiita għax huma Sunni.

F’Awwissu li għadda, il-grupp ISIS kien qal li l-qabar ta’ Saddam Hussein kien inqered imma nies mill-post kienu qalu li dawn kienu biss ħatfuh u ħarqu partijiet minnu imma li kien għadu sħiħ.