Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

L-UNJONI EWROPEA:Il-bieb għadu miftuħ għall-Iżlanda

L-Unjoni Ewropea qalet li l-bieb kien se jibqa’ miftuħ għall-Iżlanda jekk fil-ġejjieni tkun trid tapplika għal sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Dan wara li fi tmiem il-ġimgħa l-Gvern tal-Iżlanda ħabbar li kien se jirtira l-applikazzjoni. Dan peress li l-Gvern ewroxettiku tal-Iżlanda qal li seta’ jaqdi l-interessi tal-pajjiż aħjar barra mill-UE.
Margaritis Schinas, il-kelliem tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, ċaħad li id-deċiżjoni tal-Iżlanda kienet disfatta għall-UE u fakkar li meta l-pajjiż kien fi kriżi ried jissieħeb fl-UE u issa li beda jqum fuq saqajħ, iffriża kollox. Hu qal li b’dan ma kien hemm xejn ħażin għaliex kienet deċiżjoni ta’pajjiż sovran u r-relazzjonijiet ma kinux se jkunu effettwati.
L-Iżlanda kien applika għas-sħubija fl-2009 meta fil-poter kien hemm Gvern tax-xellug u meta l-pajjiż kien f’nofs kriżi ekonomika serja. Il-munita nazzjonali, il-krona, dak iż-żmien kienet tilfet nofs il-valur u l-pajjiż kien qed iħares lejn l-ewro għas-salvazzjoni.
Imma l-kwistjoni tal-kwoti għas-sajd – industrja ewlenija fil-pajjiż – kienet ostaklu kbir għas-sħubija tal-Iżlanda fl-UE.
Meta l-Partit tal-Progress u dak tal-Indipendenza telgħu fil-poter fl-2013, dawn issospendew is-sħubija fl-UE.