Il-Gvern fl-Ażerbajġan jinsab b’seba’ għajnejn għal kull dissens fil-pajjiż hekk kif qed ikomplu jikbru l-problemi ekonomiċi fil-pajjiż.
L-Ażerbajġan kien effettwat mit-tnaqqis drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt kif ukoll tit-telf fil-valur tar-roublu kontra d-dollaru Amerikan kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajna, u għalhekk il-Gvern f’Baku kellu jiżvaluta l-munita nazzjonali, il-manat.
Issa f’Novembru hemm elezzjonijiet Parlamentari fil-pajjiż u t-tgergir qed jikber. Minkejja sforzi kbar mill-Gvern biex irażżan kull kritika kontrih, dan spiss jarresta l-ġurnalisti li l-aktar ikunu kritiċi.
Fi tmiem il-ġimgħa sar sforz għal protesta kontra l-għoli tal-ħajja u bilkemm kien laħaq kien hemm 30 persuna fil-post għall-protesta f’Baku li l-Pulizija arrestat sebgħa minnhom. Osservaturi qalu li din ir-reazzjoni mill-forzi tas-sigurtà kienet indikazzjoni li t-tmexxija tal-President Ilham Aliyev hi nervuża dwar il-ġejjieni. Imma fl-istess ħin huma wissew li hu kważi impossibbli li l-Partit Yen Azerbaijan ta’ Aliyev jitlef il-poter.
Iżda l-COFACE (Compagnie Française d’Assurance pour le Commerce Extérieur) kumpannija internazzjonali tal-assigurazzjoni, wissiet li t-tbatija ekonomika fil-pajjiż qed twassal għal żieda fit-tensjoni interna dan apparti żieda fit-tensjoni mal-Armenja, avversarju antik u ġar tal-Ażerbajġan.
Indikazzjoni oħra kienet li l-ġimgħa li għaddiet l-istess Aliyev mar fuq it-televiżjoni nazzjonali biex jipprova jispejga r-raġunijiet wara l-problemi ekonomiċi fil-pajjiż. Hu qal li l-Bank Ċentrali tal-Ażerbajġan kellu jbigħ madwar 500 miljun dollaru kull jum biex jiddefendi l-munita nazzjonali u kieku s-sitwazzjoni ma tranġatx, ir-riservi tal-pajjiż kienu jonqsu drastikament.
Il-bejgħ taż-żejt u gass jammontaw għal 95 fil-mija tal-esportazzjoni tal-pajjiż u 75 fil-mija tad-dħul tal-Gvern.
Aliyev wissa wkoll li l-Gvern kien se jieħu passi severi kontra dawk li jgħollu l-prezzijiet tal-affarijiet għall-bejgħ jekk mhux għax verament iċ-ċirkustanzi jitolbu din iż-żieda.
Tħassib għas-sitwazzjoni ekonomika fl-Ażerbajġan
