Kultura

VITAE – esebizzjoni ta’ skulturi minn Mario Agius

‘Vitae’ hi esebizzjoni ta’ skulturi mill-iskultur Għawdxi Mario Agius. ‘Vitae,’ li tfisser ħajja, tikkonsisti f’għadd ta’ skulturi magħmula mill-injam, ġebel u rħam fejn Agius irnexxielu jagħti l-ħajja lil dan l-istess materjal bl-intervent tiegħu. Minbarra li jaħdem din il-varjeta’ ta’ materjal, Agius jagħmel użu wkoll minn fatturi uniċi li jinsab fl-istess materjal biex b’hekk jgħinuh fl-espressjoni artistika tiegħu. Din hija l-aktar evidenti fil-mod kif juża z-zkuk fl-istat naturai tagħhom u ġebel mikul biż-żmien.

Il-kritiku tal-arti s-sur Joseph F.X. Zahra fil-katalogu ta’ din l-esebizzjoni, spjega kif ix-xogħol robust ta’ Mario huwa tfixxija kontinwa għar-ruħ fil-qalb tal-pajsaġġ Għawdxi bil-blat u z-zkuk tas-siġar ħorox tiegħu. Jitkellem dwar kif l-iskultura ta’ Mario hija vjaġġ li titlaq mill-ambjent Għawdxi fil-kwiet u s-silenzju u bil-paċenzja u bil-persistenza tilħaq il-milja tagħha u minn sempliċi materja tispira għal dak li hu spiritwali.

It-tema prinċipali ta’ dawn l-iskulturi hija relatata ma’ diversi avvenimenti relatati ma’ xeni tal-vanġelu speċjalment dawk relatati mall-ħajja ta’ Kristu. Pero’ hemm xi xogħolijiet oħra li jitrattaw temi oħra fosthom dik relatata mal-imħabba, mal-maternita’ u mal-iskjavita.’

Mario Agius twieled fl-1956 u minn eta’ bikrija wera mħabba lejn l-iskultura. Hu beda l-istudju tiegħu fl-arti ma’ Mons Michelangelo Apap (1915 – 2006) u kompla l-istudju tiegħu mal-iskultur famuż Anton Agius (1933 – 2008). Hu kien jattendi wkoll korsijiet ma’ Mr. Harry Alden.

Agius għandu numru ta’ skulturi f’kollezzjonijiet privati kemm lokalment u anke barra minn xtutna fosthom l-Inglilterra, l-Italja, Franza, il-Ġermanja u anke l-Isvizzera. Xogħolijiet oħra ta’ skultura tiegħu jinsabu f’numru ta’ knejjes f’Malta u Għawdex. Fl-1989 hu attenda kors f’Chentenham, l-Ingilterra fil-‘White Knight Gallery’ taħt l-għalliem u l-artist ta’ fama internazzjonali Ian Norbury.

Bħalissa Agius jgħallem id-disinn u t-teknoloġija fl-injam fl-Kulleġġ t’Għawdex, Skola Sekondarja, Rabat. Hu membru fl-Assoċjazzjoni British Woodcarvers f’Londra fejn hu esebixxa diversi drabi. L-ewwel esebizzjoni tiegħu, bl-isem Nature Exalted kienet saret fil-Banca Giuratale, Għawdex f’Ġunju 2008. F’Lulju ta’ 2009, Mario esebixxa numru ta’ skulturi f’ ‘Marzi Art Internation Galeri’ f’Hamurg fil-Ġermanja.

Fis-sena 2010, l-iskultura fl-injam fl-isem ‘Ballerina’ ġiet mogħtija midalja tal-fidda fl-esebizzjoni bl-isem 10th Salon International organizzata minn Groupemant Artistique Nantes Faade Atlantique (Ganfa) f’Nantes fi Franza. Fis-sena 2011, żewġ skulturi oħra bl-isem Kommunita’ u il-Ħajja ġew magħzula mill-Ministeru għal Għawdex fil-Kompetizzjoni ‘Arti fit-Toroq.’ Dan l-aħħar Mario Agius ġie mqabbad jeskolpi l-monument bl-isem ‘Komunita’ ‘ li ġie installat ġewwa it-Terminal tal-Imġarr f’Għawdex. Matul Novembru u Diċembru, skultura kbira magħmula mill-injam bit-tema relatata mal-Avvent kienet murija ħdejn l-artar ġewwa s-Santwarju ta’ Pinu, f’Għawdex.

Din l-esebizzjoni hi ospitata mis-Seminarju Tal-Qalb ta’ Ġesu t’Għawdex u hi ġentilment bis-sapport tal-Ministeru t’Għawdex, Kunsill lokali Xagħra, APSBank, Cavalieri Art Hotel u Remax Property Centre.
‘Vitae’ ser tkun miftuħa għall-pubbliku għal ġimgħa waħda mid-29 ta’Marzu sal-5 t’April 2015, ġewwa s-Sala tas-Seminarju fir-Rabat Għawdex. L-artist jista’ jiġi kkuntatjat fuq in-numru 99472831, email agiusmario@gmail.com jew permezz tas-sit elettroniku www.marioagius.com