Wara sentejn mill-elezzjoni l-Gvern għadu ma wettaqx il-wegħda elettorali li għamel lill-investituri fil-BOV Multi Manager Property Fund u li kienu mwiegħda soluzzjoni ġusta għall-każ tagħhom.
Kemm fil-programm elettorali tal-Partit Laburista, kif ukoll permezz ta’ ittra personali li rċevew mill-Ministru tal-Gvern ta’ Muscat tal-lum, Evarist Bartolo, l-investituri fil-BOV Multi Manager Property Fund kienu mwiegħda li l-Gvern kellu jsibilhom soluzzjoni ġusta għall-każ tagħhom.
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech staqsa fil-Parlament lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, jistax jindika meta din is-soluzzjoni se sseħħ.
Staqsa wkoll lill-Ministru tal-Finanzi jgħid hux minnu li ċ-Chairman tal-Bank of Valletta l-ewwel qabel li l-kwistjoni tiġi riżolta permezz ta’ arbitraġġ, u mbagħad biddel il-fehma.
Ir-risposta xotta tal-Ministru Edward Scicluna kienet biss li l-Gvern qiegħed jevalwa s-sitwazzjoni u se jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-ħin adattat.
//= $special ?>