Kunsilli Lokali Lokali

Anke f’San Ġiljan, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista għamlu d-differenza

B’Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, ir-residenti ta’ San Ġiljan setgħu jgawdu minn diversi proġetti u ħidma li għamlu d-differenza għall-aħjar f’ħajjithom. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara f’San Ġiljan. Hemm hu żar id-diversi proġetti li għamel il-Kunsill Lokali mmexxi mis-Sindku Peter Bonello.

Is-Sindku spjega kif il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan daħal fi skema ta’ Public Private Partnership biex ikun jista jirranġa 13-il triq. Kif jitlestew dawn, mistennija jkunu rranġati oħrajn, din id-darba mill-flus tal-Kunsill. Fost ix-xogħolijiet, hemm ukoll ix-xelter fi Triq Lapsi.

Akkumpanjat minn membri tal-Kunsill u l-Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali f’San Ġiljan, is-Sindku Peter Bonello semma’ kif il-Kunsill Lokali jdur kontinwament il-bankini, is-sinjali tat-traffiku u l-indafa tat-toroq biex ma jkunx hemm periklu. Fi żmien qasir, il-Kunsill Lokali mistenni jirranġa ż-zebra crossings kollha li wieħed isib f’San Ġiljan biex id-dawl tagħhom ikun energy saving.

Waqt iż-żjara f’San Ġiljan, Simon Busuttil żar ukoll diversi stabbilimenti fejn kien hemm diversi żgħażagħ li kienu qed jiċċelebraw il-Festa ta’ San Patrizju, il-Qaddis tal-Irlanda.