L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tappella għal aktar koperazzjoni u kordinazzjoni bejn il-Gvern u l-kumpaniji milquta mill-kriżi fil-Libja. Sostna dan ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti biex jiġu slavagwardjati l-interessi Maltin fil-Libja.
L-Oppożizzjoni qed tipproponi li jitwaqqaf fondi ta’ ristrutturar li jgħin lil dawn in-negozji u li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ kordinament li jassisti lill-intrapriżi.
Claudio Grech ħabbar li l-Oppożizzjoni se titlob li jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni fil-Libja u kif din qed taffetwa l-interessi ta’ kumpaniji Maltin.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ċensu Galea sostna li l-Malta Enterprise għandha tkun strumentali f’dan ix-xenarju, fejn din l-entità issa għandha tibda taħdem ħalli timplimenta miżuri ġodda favur in-negozji. Dan hekk kif s’issa għadhom qed japplikaw is-sistemi użati fl-2011.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet ukoll Kristy Debono, li spjegat x’riperkussjonijiet jista’ jkun hemm jekk l-intrapriżi Maltin fil-Libja jintlaqtu ħażin. Dan għaliex dawn il-kumpaniji jiġġeneraw ukoll dħul għall-pajjiż minn taxxi li jitħallsu lokalment.
//= $special ?>