Lokali Qorti

Giovanni Kessler jixhed fil-każ ta’ Silvio Zammit fil-Qorti

Giovanni Kessler, il-kap tal-aġenzija ta’ kontra l-frodi tal-UE (OLAF), jinsab f’Malta biex jixhed fil-Qorti fil-każ ta’ Silvio Zammit.

In-negozjant minn Tas-Sliema qed jiġi akkużat li talab s-somma ta’ €60 miljun bħala tixħim biex tinbidel direttiva tal-UE dwar it-tabakk fiż-żmien li John Dalli kien il-Kummissarju Ewropew responsabbli. Zammit qed jiċħad l-akkużi kontrih.

Fil-Qorti, Kessler intwera kopja tar-rapport li eventwalment wassal għat-tneħħija ta’ Dalli minn Kummissarju Ewropew, u kkonferma li hu tiegħu.

Din hi l-ewwel darba li Kessler jinsab f’Malta biex jixhed wara diversi tentattivi li saru biex ix-xhieda tiegħu tingħata permezz ta’ video conferencing. F’Awwissu li għadda, mitlub jixhed f’Malta, id-dipartiment tiegħu qal li ma kienx infurmat, u xahar qabel, qal li ma kienx infurmat fil-ħin biex jilħaq jivvjaġġa.

Kessler kien ukoll mitlub jixhed quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi tal-Parlament, fil-każ li l-Prim Ministru fetaħ kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta allega li l-Prim Ministru ndaħal lill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, Peter Paul Zammit, li ma pproċediex kontra Dalli f’Malta.

Kessler hu mistenni jixhed quddiem il-kumitat tal-Parlament illejla.