Lokali

Il-każ tal-Malti ferut fil-Libja: Il-Pulizija mhi teskludi xejn sakemm tkellem lill-vittma

Tnax-il ġurnata wara li ż-żagħżugħ Malti Matthew Dingli kien ferut b’tir f’rasu fil-Libja, għadu qed jinżamm fl-ITU f’qagħda kritika

Matul il-jiem li għaddew il-Pulizija Maltija ftit li xejn setgħet tagħmel fl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ ta’ Matthew Dingli ta’ 31 sena mill-Kappara, li nhar l-Erbgħa 4 ta’ Marzu li għadda ntlaqat f’rasu b’tir ta’ arma tan-nar fil-Libja.

Il-Pulizija, fil-kors tal-investigazzjonijiet tagħha, hi ħerqana li titkellem ma’ Matthew Dingli nnifsu li għadu qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei hekk kif il-balla għadha mwaħħla fil-parti ta’ fuq ta’ rasu.

S’issa għadu ma ġiex operat biex titneħħa l-balla minn rasu

Il-pulizija jridu jitkellmu ma’ Matthew Dingli, li għadu qed jinżamm taħt għassa stretta, biex jistabbilixxu l-fatti kollha ta’ dan il-każ li dwaru għadhom mhumiex imwieġba għadd ta’ mistoqsijiet.

Għalkemm ingħad ħafna dwar dan il-każ, l-investigaturi – issa direttament immexxija mill-Assistent Kummissarju Silvio Valletta – mhuma jeskludu xejn.

Nifhmu li fil-jiem li għaddew il-Pulizija bagħtet għall-qraba tal-vittma u tkellmet mal-membri tal-familja taż-żagħżugħ li għaddewlha informazzjoni mill-aktar importanti fosthom dwar il-konnessjonijiet ta’ Matthew Dingli fil-Libja. Imma l-Pulizija tkellmet ukoll ma’ persuni oħra – fosthom Libjan – li jafu tajjeb lil Matthew Dingli.

Il-Pulizija ġabret ħafna informazzjoni u fid-dawl ta’ dan it-tagħrif mhi teskludi assolutament xejn. Fost l-oħrajn il-Pulizija tixtieq tistabbilixxi jekk dan il-Malti kienx involut f’xi ċirku ta’ użura fejn hu kien vittma.

Informazzjoni li kisbet il-Pulizija titfa’ dawl importanti dwar dan l-aspett u temmen li Matthew Dingli seta’ kien mhedded minn xi persuna jew persuni. Madankollu, dwar dan għadu ma kienx stabbilit il-motiv.

Dak li ġara nhar l-4 ta’ Marzu fl-appartament ta’ Matthew Dingli fi Tripli għad irid ikun stabbilit. Kif irid ikun stabbilit ukoll x’wassal għal din l-isparatura minn distanza tant viċin li laqtitu fil-parti ta’ fuq ta’ rasu iżda b’saħħa relattiva tant li l-balla baqgħet imwaħħla fir-ras.

Dak li għamel s’issa t-tim mediku fl-Isptar Mater Dei kien li opera lil Matthew Dingli biex neħħielu frak minn rasu kkaġunat mill-isparatura, iżda nifhmu li dawn qed iqisu operazzjoni biex titneħħa l-balla bħala ħaġa riskjuża ħafna u għalhekk id-deċiżjoni s’issa hi li dan jinżamm fl-ITU tal-Isptar Mater Dei b’rasu infaxxata kollha u taħt għassa stretta.

Irid ikun stabbilit ukoll jekk fil-ħin tal-isparatura Matthew Dingli kienx waħdu. Jekk ma kienx waħdu, allura min kien miegħu? U kemm-il darba kien waħdu, allura kif intalbet l-assistenza medika ta’ sptar fil-belt kapitali Libjana, Tripli?

Dwar dan il-każ, il-Malti mhux biss kien ingħata għajnuna medika mill-ewwel fi sptar fi Tripli, imma saru wkoll l-arranġamenti kollha meħtieġa biex hu seta’ jinġieb Malta minnufih permezz ta’ air ambulance li tpoġġiet għad-dispożizzjoni tiegħu mill-awtoritajiet ta’ Tripli li direttament u indirettament kienu qed jagħmlu kuntatt mal-Gvern Malti għall-ewwel darba.

Fil-fatt fil-lejl ta’ bejn l-4 u l-5 ta’ Marzu li għadda l-Malti nġieb Malta u sab jistennieh fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tim mediku u ambulanza li ħaduh mill-ewwel l-isptar fejn instab li kien f’qagħda kritika ħafna.

Is-suspett tal-Pulizija li Dingli seta’ spiċċa vittma f’xi ċirku ta’ użura ġej mill-fatt li matul is-snin li għaddew Matthew Dingli jidher li kien jitlob lill-ġenituri ammonti ta’ flus… li apparentement ħadd ma jaf x’kien qed jagħmel bihom.

Suspett tal-Pulizija li Dingli seta’ spiċċa vittma f’xi ċirku ta’ użura

Ġieli persuni kienu jintbagħtu għand l-istess ġenituri tiegħu biex jingħataw ammonti ta’ flus u anke hawnhekk ħadd jidher li m’għandu spjegazzjoni dawn il-flus x’kien qiegħed jitħallas bihom.

Jidher li l-kobba hi mħabbla ftit mhux ħażin u hu għalhekk li l-pulizija ma jridu jaslu għall-ebda konklużjoni dwar din l-isparatura qabel ikollhom l-opportunità li jitkellmu mal-vittma.