Il-Prim Ministru Muscat ma jwieġeb għal ebda mistoqsija parlamentari
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma wieġeb għal ebda mistoqsija minn sitta li sarulu fil-Parlament dwar l-organizzazzjoni tal-Gvern Malti għal-laqgħa tal-Commonwealth li se ssir f’pajjiżna aktar tard din is-sena, f’Novembru li ġej.
Il-Prim Ministru naqas li jwieġeb mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, dwar l-istruttura organizzativa tal-Gvern Malti li hi responsabbli mit-tħejjijiet ta’ din il-laqgħa importanti għall-Kapijiet tal-Istati Membri tal-Commonwealth, magħrufa bħala CHOGM, li pajjiżna se jkun qed jilqa’ din is-sena bejn is-27 u d-29 ta’ Novembru, u li diġà organizzaha b’suċċess fl-2005.
Il-Prim Ministru kien mitlub ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet tal-persuni impjegati fl-istruttura organizzattiva u jagħti d-dettalji tal-kariga tal-persuni; jgħid jekk humiex impjegati b’kuntratt definit jew indefinit; u jidentifika liema persuni ġew ingaġġati f’positions of trust; u f’liema pożizzjoni u għal kemm żmien hu twil il-kuntratt ta’ impjieg.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa wkoll dwar kemm hu l-pakkett finanzjarju (salarji, benefiċċji u perkaċċi) ta’ kull persuna impjegata f’din l-istruttura organizzattiva taċ-CHOGM.
It-tweġibiet tal-Prim Ministru għal dawn il-mistoqsijiet kienu kollha l-istess – li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
//= $special ?>