Il-Prim’Awla tal- Qorti Ċivili laqgħet it-talba tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija u waqqfet milli jsir l-irkant tal-armi tal-Pulizija.
L-Imħallef Joseph Zammit McKeon, fid-deċiżjoni tiegħu, laqa’ t-talba tal-assoċjazzjoni u ta’ żewġ Pulizija oħra għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni wara li lmentaw li kienu mċaħħda milli jieħdu sehem fl-irkant.
Fil-Qorti rriżulta li f’wieħed miż-żewġ irkanti kien se jsir bejgħ ta’ 129 karozza, dgħajjes u spare parts tal-karozzi li kienu wżati mill-Pulizija jew miżmuma minnhom. Fit-tieni rkant kienu se jinbiegħu madwar 800 arma li ntużaw mill-Pulizija jew li kienu fil-pusses tal-Korp tal-Pulizija. Skont l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, ħadd mill-uffiċjali pubbliċi, inkluż uffiċjali tal-Pulizija, ma seta’ jieħu sehem fl-irkant.
L-assoċjazzjoni qalet li l-liġi ma kienet tipprojbixxi lil ħadd milli jieħu sehem fl-irkant u għalhekk l-esklużjoni tagħhom kienet waħda diskriminatorja, arbitrarja u llegali.
Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet qalu li kienu awtorizzati li jimponu l-projbizzjoni skont avviż legali tal-1966. Dan jeskludi lill-uffiċjali pubbliċi milli jieħdu sehem f’irkanti biex ikun evitat kull xorta ta’ kunflitt ta’ interess bejn l-irwol ta’ uffiċjal pubbliku, bħal ma hu membru tal-Korp tal-Pulizija, u s-sehem tagħhom fl-irkant.
Il-Qorti qalet li l-ewwel irkant kellu valur minimu ta’ €13,595, waqt li t-tieni wieħed kellu valur minimu ta’ €64,000. Qalet ukoll li l-avviż legali kkwotat mill-awtoritajiet ma kienx japplika għall-bejgħ f’irkanti iżda għal sejħiet mill-pubbliku biex jissottomettu offerti. Għalhekk, il-Qorti qalet li fil-fehma tagħha l-awtoritajiet kienu qed jinterpretaw b’mod żbaljat l-avviż legali.
//= $special ?>