Kif ħabbar Replay nhar il-Ħadd filgħaxija, il-bieraħ filgħaxija iltaqgħu l-membri tal-Malta Football Referees Association sabiex jiddiskutu x’azzjonijiet se jkunu qed jieħdu wara li r-referee Karl Frendo Cumbo kellu jħalli l-partita mingħajr ma saffar għaliex kien hemm inċidenti li setgħu kienu aktar gravi waqt il-partita mill-Kampjonat ta’ taħt id-19-il sena bejn Swieqi United u St. George’s.
Għal din il-laqgħa spikkat in-nuqqas ta’ attendenza mill-membri tal-MFRA tant li kien hemm madwar 35 persuna fosthom il-Kap tar-Referees f’pajjiżna Adrian Casha u l-assistant tiegħu, Kevin Azzopardi. Preżenti ukoll kien hemm ir-referee Frendo Cumbo. Referees li tkelmu magħna qalu li għalkemm f’ħafna mill-laqgħat li jkunu organizzati mill-MFRA ikun hemm attendenza simili għal tal-bieraħ, wieħed kien jistenna li f’laqgħa importanti bħal din kellu jkun hemm attendenza ikbar. Fl-istess waqt jidher ċar li l-ogħla uffiċjali tal-MFRA, m’għadhomx popolari mal-membri tal-assoċjazzjoni u dan ftit li xejn jawgura tajjeb speċjalment għall-President Lorry Sammut biex f’Ġunju li ġej jerġa’ jkun konfermat President tal-assoċjazzjoni minn fost ir-referees membri.
F’din il-laqgħa kien deċiż li r-referees se jiktbu lill-MFA sabiex il-partiti kollha fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena se jintlgħabu fil-presenza tal-Pulizija u f’każ li l-MFA ma taċċettax din it-talba, ir-referees ikunu lesti li jħarxu l-azzjonijiet tagħhom.
Għalissa kienet aboloxxita l-idea li r-referees jibdew il-partiti tard. Madankollu fl-ewwel jiem ta’ April, ir-referees mistennija jinżlu fil-pitch bi flok apposta li jikkundanna l-agressjoni fuq ir-referees fil-futbol.
//= $special ?>

