Edukazzjoni Ekonomija Lokali

Is-settur tat-Turiżmu għandu jkun fil-qalba tal-ekonomija – l-Oppożizzjoni f’laqgħa mal-FELTOM

Is-settur tat-Turiżmu għandu jkun fil-qalba tal-ekonomija u mhux settur maqtugħ għalih waħdu. Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech f’laqgħa li, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg, kellu mal-Federazzjoni għall-Iskejjel tal-Ingliż f’pajjiżna (FELTOM).

Claudio Grech qal li bħalissa l-Partit Nazzjonalista għaddej b’diversi laqgħat ma’ stakeholders fl-industrija tat-Turiżmu għax jemmen li issa hu ż-żmien għall-Partit Nazzjonalista biex ifassal politika ġdida dwar it-Turiżmu. Għalhekk hu importanti li jkunu identifikati setturi ġodda għall-futur tal-ekonomija.

Min-naħa tiegħu, Antoine Borg spjega kif Malta għandha tkun pajjiż li jispeċjalizza f’diversi setturi biex dawk iż-zgħażagħ li jiġu Malta jitgħallmu l-Ingliż, jaraw lil pajjiżna bħala l-pajjiż fejn jistgħu jżuru bħala turisti jew f’xi konferenza.

Fil-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-FELTOM irringrazzjaw lil Claudio Grech u lil Antonie Borg talli għażlu biex jitkellmu magħhom dwar il-futur tas-settur li jaħdmu fih, jiġifieri dak tal-Iskejjel tal-Ingliż għal studenti barranin. Dan hu settur li llum il-ġurnata m’għadux popolari biss fis-Sajf, iżda matul is-sena kollha.