Ix-xjenzati forensiċi fi Spanja qed jgħidu li sabu l-qabar ta’ Miguel de Cervantes, kważi 400 sena wara mewtu.
L-aħbar qajjmet interess kbir, b’mod partikolari għaliex Cervantas jibqa’ bħala wieħed mill-ġganti tal-letteratura Spanjola, minbarra li magħruf mad-dinja bħala l-awtur tan-novella ċelebri, ‘Don Quixote’.
Intant, l-esperti jemmnu li sabu l-għadam ta’ Cervantes, minbarra l-fdalijiet ta’ martu u oħrajn irreġistrati bħala ‘midfunin mal-awtur’ ġo Kunvent tat-Trinitarjani, f’Madrid. Fl-istess ħin, dawn ir-riċerkaturi qalu li se jkun diffiċli biex jisseparaw l-għadam ( fi stat ta’ sfreġju) mill-biċċiet u l-fdalijiet l-oħra biex issir identifikazzjoni ċerta.
Miguel de Cervantes kien indifen fl-1616 iżda t-tebut tiegħu intilef ftit taż-żmien wara.
Meta l-kunvent inkwistjoni kien reġa’ nbena, fis-seklu sbatax, il-fdalijiet tal-awtur spiċċaw ittrasferiti għal bini ġdid u kellhom jgħaddu s-sekli sakemm instab mill-ġdid il-qabar ta’ Cervantes; magħruf mal-Ispanjoli bħala ‘l-Prinċep tal-Ittri’.
//= $special ?>