Transport Malta tħabbar li x-xogħol sabiex tiġi estiża il-‘bus lane’ tal-Gżira se jibda għada l-Erbgħa u jekk it-temp jippermetti, jitlesta sa nhar is-Sibt.
M’hemmx pjanijiet li jingħalqu toroq jew li jiġu attwati devjazzjonijiet tat-traffiku.
Kif ġa kien imħabbar, il-‘bus lane’ eżistenti taż-żona magħrufa bħala Ferries, ta’ Sliema, se tiġi estiża tul triq ix-xatt, il-Gżira. Il-karreġġata tan-naħa ta’ ġewwa se ssir ‘bus lane’ għal tul ta’ 694 metru waqt li se jinżamm il-parkeġġ tul il-promenad.
Triq ix-Xatt tingħaqad f’karreġġata waħda fil-viċinita’ ta’ Manoel Island. Hawnhekk il-manuvri biex karozzi jingħaqdu f’karreġġata waħda minn tnejn jistgħu joħolqu periklu u dewmien żejjed.
Għaldaqstant, bil-pjan propost, it-traffiku li ġej mill-‘junction’ ta’ Manoel Island ikun f’karreġġata waħda mill-ewwel u allura jitnaqsu l-manuvri perikolużi f’ din iż-żona sensittiva.
Fi kliem Transport Malta, il-‘bus lane’ hija mmirata sabiex ittejjeb it-trasport publiku, tħeġġeġ in-nies biex jivjaġġaw b’numru ikbar ta’ passiġġieri f’karozza waħda u jużaw vetturi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.
Karozzi LPG, muturi, vetturi elettriċi u karozzi bi tlett passiġġieri, inkluż ix-xufier, jew iktar, kowċis u taxis jistgħu jużaw il-‘bus lanes’.
Din il-‘bus lane’ hija parti mill-proġett Modus; proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF). Il-proġett Modus jaspira li jnaqqas ix-xejriet negattivi fit-Trasport Malti; xejriet fejn iżjed Maltin qegħdin jużaw vettura privata minflok it-trasport pubbliku.
Il-proġett għaldaqstant, fi kliem Transport Malta, għandu l-iskop li jgħin biex it-trasport pubbliku isir iżjed effiċjenti u affidabbli.
Is-sewwieqa huma mitluba isuqu b’attenzjoni u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-uffiċċjali.
Mappa tal-‘bus lane’ kif proposta: http://goo.gl/NFWoIw
//= $special ?>