Il-ġurnata tal-verità għal Netanyahu
Illum il-poplu Iżraeljan se jmur jivvota f’elezzjoni ġenerali bikrija – it-tieni f’daqstant snin. Din l-elezzjoni tista’ twassal għal telfa għall-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu tal-Partit Likhud.
L-aħħar stħarriġ wera li Netanyahu qed iħabbat wiċċu ma’ sfida iebsa f’din l-elezzjoni minn Issac Herzog, il-mexxej tal-avversarju antik tal-Likhud, il-Partit Laburista, u l-Hatnuah, partit żgħar taċ-Ċentru mmexxi minn Tzipi Livni li flimkien għaqqdu l-koalizzjoni tal-Għaqda Zionista. Dawn mexxew kampanja bbażata fuq kwistjonijiet ekonomiċi u l-għoli tal-ħajja f’Iżrael. Netanyahu min-naħa tiegħu bbaża ħafna mill-kampanja fuq is-sigurtà.
F’intervista fuq ir-radju nazzjonali Iżraeljan nhar il-Ħadd, Netanyahu stqarr li kien qed iħabbat wiċċu ma’ ġurnalisti ostili fil-konfront tiegħu u potenzi barranin li ma ridux li jkun ikkonfermat fil-poter.
Kien hemm stennija kbira li Netanyahu kien se jieħu spinta fl-opinjoni pubblika wara li ġimagħtejn ilu indirizza l-Kungress Amerikan u kkritika lill-President Barack Obama u l-ftehim li wasal biex jiffirma dwar il-qasam nukleari tal-Iran. Imma dan ma seħħx.
Netanyahu kien effettwat ukoll minn rapporti fil-media Iżraeljana li nefaq ħafna flus tal-istat fuq ir-residenza uffiċjali tiegħu f’Ġerusalemm, kif ukoll fuq villa privata f’Tel Aviv. Dan minbarra li kemm hu kif ukoll martu kienu qed jonfqu fuq l-istilista tax-xagħar u ikel ‘take-away’.
Għall-parti l-kbira tal-kampanja, Netanyahu evita d-dibattiti fuq it-televiżjoni u l-intervisti. Il-Ħadd, f’rally għal għeluq il-kampanja, Netanyahu wissa lill-partitarji li hemm periklu kbir li l-Likhud u l-alleati tiegħu joħorġu telliefa.
Ħafna partitarji tal-Likhud jagħtu t-tort lil Moshe Kahlon, eks-Ministru li ħoloq il-partit Kulanu, talli seraq ħafna mill-partitarji moderati tal-partit. Hu popolari f’Iżrael talli jiffoka fuq kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi imma fl-istess ħin għandu linja iebsa dwar is-sigurtà Iżraeljana. Hemm il-possibbiltà li jkunu l-voti li jikseb Kulanu li jħollu u jorbtu dwar min se jifforma l-Gvern Iżraeljan il-ġdid.
//= $special ?>