Lokali Parlament

Ma jweġibx jekk ħarġits sejħa għall-kariga ta’ Kap Eżekuttiv Ewlieni tal-Freeport

Salarju ta’ €50,723 flimkien ma’ performance bonus sa massimu ta’ 15% u servizz ta’ karozza

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tal-Freeport, il-kandidat tal-Partit Laburista Aaron Farrrugia, għandu paga ta’ €50,723 fis-sena, flimkien ma’ performance bonus sa massimu ta’ 15% fuq is-salarju li jkun ifisser sa €7,600 oħra, l-użu ta’ mobile phone u servizz ta’ karozza.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona fil-Parlament irrifjuta li jpoġġi kopja tal-kuntratt, u lanqas ma wieġeb għall-informazzjoni mitluba mid-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech li talab ukoll lill-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħa għall-post ta’ Kap Eżekuttiv.

Il-Ministru Chris Cardona qal li l-kuntratt ma jistax jiġi pprovdut għax huwa ta’ natura kummerċjali u kunfidenzjali.

Jirriżulta wkoll li fl-aħħar sena u tliet xhur minn Diċembru tal-2013 ‘l hawn, in-nefqa fuq safar tal-Korporazzjoni tal-Freeport laħqet is-somma ta’ €19,556, li €8,925 kienet spiża fuq biljetti tal-ivvjaġġar lejn Dubaj, Bremen, Brussell, iċ-Ċina u s-Slovenja.
Mid-disa’ safriet li saru b’kollox f’dan il-perjodu, f’sitta minnhom siefer il-Kap Eżekuttiv Aaron Farrugia.

Għal aktar mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, irriżulta wkoll li f’dawn l-aħħar sentejn mill-elezzjoni ‘l hawn, kienu impjegati 12-il persuna fuq kuntratt indefinit; wieħed f’kariga maniġerjali li għaliha applika biss il-persuna li ġiet impjegata bħala Manager Corporate, Audit & Adminsitration; u 11 bħala Security Controllers li għalihom applikaw 234.

Il-Ministru Cardona ma qalx minn fejn huma dawk li ġew impjegati mal-Korporazzjoni tal-Freeport.