Internazzjonali

Mogħtija l-forka fl-istess jum fil-Pakistan

L-Awtoritajiet Pakistani taw il-forka lil 12-il ikkundannat fl-istess ġurnata. Dan hu l-akbar ammont ta’ persuni li qatt ingħataw il-piena kapitali f’jum wieħed, mindu l-Pakistan irtira l-projbizzjoni għall-eżekuzzjonijiet.

Kelliema għall-Ministeru tal-Intern Pakistani qalu li l-ikkundannati kienu terroristi, qattiela jew kriminali li nstabu ħatja dwar delitti faħxija.

Tal-anqas 27 priġunier, fil-parti l-kbira militanti, ingħataw il-forka mindu tneħħa l-moratorju. Dan meta jikkalkulaw li ’l fuq minn 8,000 Pakistani bħalissa qed jistennew biex jingħataw il-mewt bil-liġi.

Il-moratorju għall-piena kapitali tneħħa għal delitti konnessi mat-terroriżmu wara li attakk tal-militanti Talibani, f’Diċembru, qatel ’il fuq minn 150 persuna, fil-parti l-kbira tfal, fi skola ta’ Peshawar.