Paula Duarte u Joanna Darmanin, li kienu jagħmlu parti mill-Kabinett tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli, qalu lill-Olaf li Dalli kien lest ineħħi l-Liġi li tagħmel is-SNUS waħda llegali. Dan seħħ f’Jannar u Frar 2012 u dan kollu ħareġ minn investigazzjoni li saret wara l-investigazzjoni li wasslet għal dan kollu.
John Dalli żgur li ma kienx fl-għama dwar dan kollu u fil-fatt wara li sieħbu Silvio Zammit iltaqa’ miegħu f’Tas-Sliema, kollox deher li kien se jmexxi. Fil-fatt, Zammit ċempel lil Gayle Kimberly, li kienet qed tirrappreżenta lil Swedish Match, u qalilha li Dalli ma jistax imiss il-karriera politika tiegħu. Għalhekk, biex l-affarijiet jimxu, Zammit talab is-somma ta’ €60 miljun.
Dan ħareġ minn xhieda li l-Kap tal-Aġenzija Ewropea ta’ Kontra l-Frodi (Olaf) Giovanni Kessler ta fil-Qorti, wara li ġie Malta biex jixhed fil-każ ta’ Silvio Zammit, ta’ 50 sena minn Tas-Sliema. Zammit jinsab akkużat b’tixħim u li pprova jinfluwenza deċiżjoni politika tal-Unjoni Ewropea, meta allegatament intalbet is-somma ta’ €60 miljun biex tiġi influwenzata d-Direttiva tat-Tabakk.
Akkumpanjat minn numru ta’ investigaturi legali fi ħdan l-Olaf, b’rabta mal-każ ta’ John Dalli, Giovanni Kessler beda jixhed ftit wara l-10am. Mal-bidu tax-xhieda, il-Kap tal-Olaf kien mistoqsi jidentifika lil Silvio Zammit, u meta dan ġie identifikat mix-xhud, wera s-subgħa tan-nofs fil-konfront ta’ Kessler. Barra minhekk, waqt ix-xhieda, l-akkużat beda jgħaddi numru ta’ kummenti fil-konfront tal-Kap tal-Olaf. Fost l-oħrajn, ipprova jitfa’ d-dubji fuq ix-xhieda li kien qed jagħti Kessler, tant li nstema’ jirrimarka wkoll li x-xhieda qed iġġiegħel lil Pinocchio jistħi.
Waqt ix-xhieda, Zammit instema’ jgħid bosta drabi li Kessler kien qed jigdeb u li ma kienx qed jikkwota kollox. F’ħafna mumenti, Zammit deher ukoll jitbissem u jqalleb fil-files li kellu quddiemu. Għal bosta drabi deher ukoll jikkonsulta mal-Avukati Difensuri tiegħu Chris Busietta u Edward Gatt.
Fix-xhieda tiegħu, Giovanni Kessler ikkwota siltiet mir-rapport u fost oħrajn qal li John Dalli kien jaf li ma setax jitkellem ma’ negozjanti involuti fis-suq tat-tabakk, tant li anke kien hemm direttiva biex dan ma jistax isir. Iżda l-eks Kummissarju Ewropew kiser din id-direttiva għax kellu lil Zammit fuq min jistrieħ. Zammit qal ukoll lil Gayle Kimberly li Dalli lest jiltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv ta’ Swedish Match, li kienet qed tippromovi l-iSNUS, u li fl-ewwel okkażjoni għandha tinġieb l-ewwel parti tas-somma ta’ €60 miljun. It-talba kienet li l-kapparra kellha tkun ta’ €10 miljun.
Għal diversi drabi, Giovanni Kessler sejjaħ lil Silvio Zammit bħala l-“Golden Key“, jew iċ-ċavetta li biha wieħed seta’ jiftaħ il-Kummissjoni. Qal li fis-16 ta’ Marzu 2012, Inge Del Foss, Segretarju tal-ESTOC li jirrappreżentaw lill-Manifatturi Ewropej tal-iSmokeless Tobacco, riedet tiltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew b’mod informali fuq il-każ tat-tabakk. Kien hawn li ftit sigħat wara, Silvio Zammit ċempel lil John Dalli.
Fid-29 ta’ Marzu 2012, Del Foss staqsiet lil Zammit fejn kienu waslu l-affarijiet, bl-akkużat qalilha lil bidla fil-proposta se tiswa. Qalilha wkoll li kien se jerġa’ jċemplilha, kif fil-fatt għamel nofsiegħa wara meta Del Foss rrekordjat it-telefonata. Din it-telefonata biddlet l-investigazzjoni għax fit-tieni telefonata, Zammit qal li jista’ jiggrantixxi l-proposta biex il-ban fuq is-SNUS titneħħa.
Fit-telefonata ma’ Inge Del Foss, Silvio Zammit qal li kien lest jiltaqa’ magħha kullimkien. Kien hawn li għamel referenza għall-eks Kummissarju Ewropew, b’Zammit jgħid li kien ċert li l-pjan se jirnexxi, imbasta li fil-laqgħa tasal il-kapparra ta’ €10 miljun. Zammit qal lil Del Foss li l-ftehim għandu jsir bejn “il-boss tiegħek u l-boss tiegħi”, b’indikazzjoni li kellu s-saħħa jorganizza laqgħat f’isem John Dalli, sostna l-Kap tal-Olaf.
Giovanni Kessler qal li ilu jokkupa l-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali tal-Olaf sa minn Frar 2011. Qal li flimkien mat-tim tiegħu, ipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-eks Kummissarju Ewropew Dalli. Spjega li l-investigazzjoni bdiet wara li fl-24 ta’ Mejju 2012 irċieva rapport dwar dan il-każ mingħand is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea Catherine Day. Day kienet qed taġixxi f’isem il-President tal-Kummissjoni Ewropea ta’ dak iż-żmien José Manuel Barroso wara rapport minn Swedish Match, li tipproduċi t-tabakk SNUS, fejn issemmew ħafna John Dalli u Silvio Zammit.
L-investigazzjonijiet dwar il-każ kienu ġew konklużi fil-15 ta’ Ottubru 2012.
Il-Kap tal-Olaf għamel referenza wkoll għal laqgħa dwar is-suq tat-tabakk, li saret fl-20 ta’ Awwissu f’lukanda f’Għawdex bejn Tomas Hammargren minn Swedish Match, John Dalli, Silvio Zammit u ċertu Saliba minn British American Tobacco. Is-SNUS hu illegali fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, ħlief fl-Iżvezja. Kienet għalhekk li l-kumpanija Żvediża riedet li jkollha kuntatt ma’ Dalli. Skont l-Artiklu 5 tal-Għaqda Dinija tas-Saħħa (WHO) dwar it-Tabakk, kuntatti bejn uffiċjali pubbliċi u rappreżentanti ta’ kumpaniji tat-tabakk iridu jkunu trasparenti u miftuħin.
Giovanni Kessler qal li kien Zammit li organizza l-laqgħa f’Għawdex, li matulha kien hemm ħin meta Dalli u Hammargren kienu waħedhom fil-kamra tal-lukanda. Għal Dalli, il-laqgħa ma kinitx xi waħda ta’ sorpriża u kien jaf biha, b’Kessler jgħid li għal Hammargren, dan kien “bingo“. Tomas Hammargren kien Malta għan-negozju u kiteb ukoll rapport dwar il-laqgħa, li ngħadda lill-organizzazzjonoi li kien qed jirrappreżenta. Wara li Tomas Hammargren ma baqax President, Zammit beda jinnegozja mas-Segretarja ta’ Swedish Match, b’Kessler jgħid li Dalli kien jaf b’dan kollu.
Il-Kap tal-Olaf kompla li f’Ottubru 2001, il-Kummissjoni Ewropea bdiet id-diskussjoni dwar it-Tabakk, fejn kien hemm il-possibbiltà li jidħlu regolamenti ġodda. Hawn, Zammit kien bagħat email lil Tomas Hammargren biex jibda kuntatt ġdid ma’ Inge Del Foss. Qal li Zammit mar Stokkolma biex jiltaqa’ ma’ Del Foss, fejn qalilha li jista’ jlaqqagħha mal-eks Kummissarju Ewropew Dalli. Fil-fatt, meta kien l-Iżvezja, Zammit ċempel lil Dalli darbtejn, fosthom darba meta l-eks Kummissarju Ewropew ma weġibx. Xahar wara, Zammit qal lil Del Foss li Dalli kien lest jieħu r-riskju u lest joħroġ għonqu biex jilleġiżla l-Liġi tal-iSNUS.
Kessler kompla jispjega li Swedish Match ingaġġaw magħhom lil Gale Kimberely u qalulha biex tmexxi ma’ Zammit, bħala l-ħabib ta’ Dalli, u anke biex tibda tinnegozja miegħu. Hi aċċettat u ltaqgħet ma’ Zammit fis-6 ta’ Jannar 2012. Zammit kien il-medjatur u anke laqqagħha ma’ Dalli fl-uffiċċju privat tiegħu f’Portomaso. Wara, Kimberely bagħtet lil email Tomas Hammargren, fejn qaltlu li Zammit kien lest ikompli bil-laqgħat. Fil-fatt, kien hemm laqa’ skedata għall-4 ta’ Frar, iżda din kellha tinbidel minħabba li Dalli nqabad Brussell. Għaldaqstant, il-laqgħa ġiet posposta għall-10 ta’ Frar.
Gayle Kimberely ippreparat diversi mistoqsijiet għal-laqgħa ma’ John Dalli, li min-naħa tiegħu ma riedx jiltaqa’ magħha. Għaldaqstant, hi tat id-domandi lil Silvio Zammit wara li dan kien qalilha li Dalli ma jridx jiltaqa’ magħha.
Il-Kap tal-Olaf qal li meta staqsa lil John Dalli dwar laqgħa li kellu ma’ Silvio Zammit fir-ristorant ta’ Zammit, l-eks Kummissarju Ewropew qallu li ma tkellmux fuq tabakk iżda dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta. Madankollu, ir-rapport tal-Olaf jindika li fil-laqgħa bejn Dalli u Zammit issemmiet figura bi tmien ċifri, li wara rriżulta li kienet ta’ €60 miljun.
Il-kontro-eżami mmexxi mill-Avukat Edward Gatt, f’isem id-Difiża
Fil-kontro-eżami, Giovanni Kessler qal li mill-provi li nġabru waqt l-investigazzjoni tal-OLAF, Silvio Zammit kien talab flus ukoll mingħand l-ESTOC. Fil-fatt, fit-telefonata tad-29 ta’ Marzu 2012 Zammit instema’ jgħid lil Del Foss li “nista’ niggrantilek li jkollkom il-proposta li ma jkunx hemm aktar projbizzjoni fuq is-SNUS. Skont ix-xhieda ta’ Kessler, Zammit kien ftaħar li jista’ jorganizza laqgħat “ta’ livell għoli fejn ikunu jridu fid-dinja”.
Kessler qal li Zammit kien ċert li se jkollu r-riżultati minn dawn il-laqgħat “għax kieku kien jitlob li l-ħlas isir qabel”. Il-Kap tal-Olaf iddeskriva dak li sabet l-Aġenzija Ewropea bħala allegat tixħim għall-eks Kummissarju Dalli. Fakkar kif Zammit dejjem staqsa għall-flus u dejjem kien jgħid li dawn il-flus kienu għall-Kummissarju Dalli.
Minbarra l-Ispettur Jonathan Ferris, li qed imexxi l-investigazzjoni tal-każ, fl-Awla kien hemm ukoll id-Deputat Avukat Ġenerali Donatella Frendo Dimech u l-Avukat Philip Galea Farrugia, ukoll mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li flimkien ma’ Ferris qed imexxu l-Prosekuzzjoni.
Reazzjoni ta’ John Dalli:
B’reazzjoni waqt li kienet għadha għaddejja s-seduta tal-Qorti, l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli akkuża lil Kessler li qed jigdeb u li jistenna lill-Pulizija tieħu passi kontrih. Dalli qal li Kessler kien qed jimmanipula l-fatti u kien qed joħloq fabbrikazzjoni.
John Dalli qal li d-dati li semma’ Kessler fix-xhieda tiegħu huma vvintati, tant li f’data minnhom mhux biss mhux vera li ppropona t-tneħħija tal-illegalità tas-snus, iżda kien l-istess jum li fih, flimkien mal-Kabinett tiegħu u l-ħaddiema ta’ SANCO, ġew stabbiliti l-parametri li fuqhom SANCO bbażat l-analiżi tagħha ta’ impatt.
Dawn il-parametri, li kienu jinkludu l-istess bojkott għas-snus u l-prodotti kollha ta’ nikotina mingħajr duħħan, kienu l-ewwel passi għad-Direttiva. Dan kollu, saħaq Dalli, hu dokumentat u jista’ jiġi vverifikat.
Sadanittant, l-eks Kummissarju Ewropew kiteb ukoll lill-iSpeaker Anġlu Farrugia biex illejla jkollu konfront dirett ma’ Giovanni Kessler, li mistenni jixhed fil-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi.
Fl-ittra, Dalli qal li jidher li l-Kumitat tal-Privileġġi se jiltaqa’ biex jakkomoda lil Kessler. John Dalli fakkar lill-iSpeaker li kien kitiblu xhur ilu, iżda baqa’ ma kellux tweġiba.
L-eks Kummissarju Ewropew qal li qed iġedded it-talba tiegħu biex jikkonfronta lil Kessler, speċjalment wara dik li sejjaħ bħala “manipulazzjoni tal-fatti” u l-“gideb” li, skont John Dalli, Kessler qal illum fil-Qorti.
//= $special ?>