Internazzjonali

Sitwazzjoni ddisprata fl-arċipielgu ta’ Vanuatu

Il-ħaddiema tas-salvataġġ li qed jaslu fl-arċipielgu ta’ Vanuatu, jiem wara li ċ-ċiklun Pam laqat lil dawn il-gżejjer fil-Paċifiku, qalu li numru fost il-gżejjer spiċċaw b’danni ferm aktar sinifikanti mill-belt kapitali Port Vila.

F’din is-sitwazzjoni, ir-residenti tal-gżira ta’ Moso, lejn il-Majjistral ta’ Vanuatu, qed ikollhom jixorbu l-ilma bil-melħ waqt li jistennew biex taslilhom l-għajnuna minn barra. L-aġenziji tal-għajnuna bdew jippruvaw isibu l-aħjar mezzi biex jaslu fil-gżejjer żgħar tal-arċipielgu, iżda l-għargħar hu tant qawwi li numru ta’ ajruplani ma jistgħux jinżlu f’ċerti zoni.

Minbarra n-nuqqas tal-ilma tax-xorb li qed jeffettwa lin-nies ta’ Vanuatu u l-gżejjer tal-madwar, hemm ukoll ħtieġa urġenti għall-mezzi għall-kenn. Dan meta għexieren ta’ eluf ta’ persuni spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.

Ir-rapporti qablu li għexieren ta’ eluf ta’ nies qed jiffaċċjaw ċirkostanzi ddisprati wara li għexu mill-qilla taċ-ċiklun, li ssemma bħala wieħed mill-agħar li qatt messew lit-territorju.