Ajruplan tal-United Airlines fl-Istati Uniti spiċċa dar lura għax passiġġier werwer lil dawk kollha abbord wara li ftit minuti wara li kienet bdiet it-titjira, ħareġ fil-kuridur, beda jaġixxi b’mod vjolenti, u ġera lejn il-kabina tal-pilota jgħajjat “ġiħad, ġiħad”.
Xi passiġġieri li kienu abbord qamu minn posthom u bdew jippruvaw iżommu lir-raġel, li f’ħinijiet minnhom irnexxielhom anke jitfgħuh mal-art.
M’hemm xejn fil-passat tar-raġel li jindika li għandu xi konnessjoni ma’ terroristi imma dak kollu li għaddej bħalissa fid-dinja u l-memorja ta’ dak li seħħ fil-11 ta’ Settembru tal-2001 ġiegħlu lill-pilota jitlob li jdur lura u jagħmel inżul ta’ emerġenza fl-ajruport minn fejn telaq.
L-ajruplan kien telaq mill-ajruport internazzjonali Dulles ta’ Washington, għall-ħabta tal-10.15 tat-Tnejn filgħaxija u reġa’ niżel fl-istess ajruport fl-10.40pm. Kellu jieħu lit-33 passiġġier u s-sitt membri tal-ekpipaġġ abbord f’Denver. Uħud minnhom marru fid-destinazzjoni tagħhom l-għada għalkemm kien hemm xi wħud li ppreferew jitilqu mal-ewwel titjira possibbli lejn destinazzjoni fil-qrib.
Il-passiġġier tniżżel mill-ajruplan u ttieħed l-isptar biex sarulu t-testijiet meħtieġa, inkluż ta’ saħħa mentali.
//= $special ?>